Id-deċiżjoni tal-President Donald Trump biex joħroġ lill-Istati Uniti mill-Ftehim ta’ Pariġi (tal-2015) dwar il-Klima qanqlet kundanna ġenerali u sens ta’ għadab fost il-komunità internazzjonali – anki jekk din id-deċiżjoni kienet, ftit jew wisq, mistennija.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, fissret l-aġir tal-Istati Uniti bħala ‘wieħed li jqanqal sens qawwi ta’ dispjaċir’. Intant, hi iddefendiet il-ftehim storiku dwar il-klima u sostniet li ‘xejn u ħadd ma jista’ jwaqqfu milli jkun implimentat’.
Filwaqt li l-President Trump qal li hu lest biex jiddiskuti ftehim ġdid, il-firmatarji ewlenin għall-Ftehim ta’ Pariġi malajr warrbu din il-possibbiltà.
Trump qed jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu b’kummenti li l-ftehim ‘kien wieħed punittiv għal pajjiżu’, u li kellu ‘jiswa l-miljuni ta’ impjiegi għall-Amerikani’.
Sadanittant, il-President Trump enfasizza li ‘hu kien elett biex jirrappreżenta liċ-ċittadini ta’ Pittsburgh u mhux ta’ Pariġi’.
Il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 jimpenja lill-Istati Uniti u lil 187 pajjiż ieħor biex iżommu t-temperaturi globali ‘taħt sew’ iż-2C stabbiliti ’l fuq mil-livelli pre-industrijali. Spikkat ukoll is-sejħa biex il-livelli tat-temperaturi anki jkunu limitati aktar u sa fejn ikun possibbli.
Sadanittant, l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-Istati Uniti, fl-agħar xenarju tista’ żżid sa 0.3C mat-temperaturi globali sal-aħħar ta’ dan is-seklu.
Madankollu, Donald Trump ikkaratterizza l-ftehim ta’ Pariġi bħala patt li qed jaħseb ‘biex jiżvantaġġja lill-Istati Uniti waqt li jkattar sitwazzjonijiet ta’ faqar fost l-Amerikani’.
Trump kompla li l-ftehim storiku għandu jiswa lill-Istati Uniti mat-tliet triljun dollaru fi Prodott Domestiku Gross mitluf, fost it-telf ta’ xi 6.5 miljun impjeg – ‘waqt li l-ekonomiji rivali bħaċ-Ċina u l-Indja jkunu ttrattati b’mod aktar favorevoli’.
Filwaqt li Donald Trump qal li ‘ma jridx li l-mexxejja ta’ pajjiżi oħra jkomplu jidħku bl-Istati Uniti’, il-Kanċillier Merkel iddefendiet bil-qawwa l-Ftehim ta’ Pariġi ‘bħala ftehim li jħares il-ħolqien kollu’ u meta ‘xejn ma għandu jostakola dan l-impenn irriversibbli’.
Merkel sostniet li ‘in-nies tad-dinja se jaqbdu vjaġġ wieħed u meta kulmin jimpurtah mill-futur tal-pjaneta tagħna jrid jemmen f’dan l-impenn intiż biex jipproteġi lid-dinja’.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li l-pass ta’ Donald Trump kien ‘serjament żbaljat’ u, waqt li fetaħ summit maċ-Ċina fi Brussell, saħaq li ‘mhu se jkun hemm l-ebda irtirar dwar il-ftehim ta’ Pariġi’.
Anki l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, esprimiet id-diżappunt tagħha u qalet lil Trump, waqt telefonata, li l-ftehim ta’ Pariġi ‘iservi biex iħares il-prosperità u s-sigurtà tal-ġenerazzjonijiet futuri’.
//= $special ?>