Futbol Sport

Peter Pullicino maħtur kowċ ta’ Birkirkara

Birkirkara FC ħabbru uffiċjalment li ħatru lil Peter Pullicino bħala l-kowċ il-ġdid tagħhom għall-istaġun li ġej.

Hu se jkun qed jieħu post Nikola Jaros wara li dan tal-aħħar intemmlu l-kuntratt fi tmiem l-istaġun li għadda.

Pullicino, li ffirma kuntratt ta’ sentejn mal-Karkariżi m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni fi ħdan il-klabb hekk kif hu kien diġà jifforma parti mill-istaff tekniku tat-tim.

Hu kien ingħaqad ma’ Birkirkara fl-istaġun 2011-12 u kien assistent kowċ ta’ Patrick Curmi u wara ħadem ma’ Pawlu Zammit fl-istaġun 2014-15. Barra minn hekk Pullicino jibqa’ mfakkar bħala l-kowċ li fl-istaġun 2013-14 għen lit-tim ta’ taħt id-19-il sena jirbaħ l-ewwel kampjonat fl-istorja tal-klabb.

Bħala assistent kowċ tat-tim tal-kbar hu rebaħ diversi unuri fosthom il-Kampjonat BOV Premier, l-FA Trophy u darbtejn is-Super Cup.