L-investigaturi Pollakki qalu li l-fdalijiet ‘ta’ żewġ persuni oħra’ instabu fit-tebut tal-eks President tal-Polonja, Lech Kaczynski, li kien miet, flimkien ma’ għexieren ta’ uffiċjali oħra, waqt tiġrif tal-ajru li seħħ fl-2010.
S’issa saru 27 proċess fejn il-fdalijiet tal-vittmi nqalgħu mill-oqbra u mindu l-Polonja, is-sena l-oħra, bdiet għaddejja b’investigazzjoni ġdida dwar it-traġedja.
Id-diżastru tal-2010 kien seħħ qrib ta’ Smolensk, fil-Punent tar-Russja, u waqt li l-ajruplan tal-Gvern – tat-tip Tu-154 – kien qed iħejji għall-inżul fi ċpar oħxon.
L-investigaturi, intant, qed jgħidu li l-fdalijiet tal-vittmi kienu suġġetti għal ‘taħwida’, hekk li l-fdalijiet spiċċaw ‘fi ħdax-il tebut ieħor’. Fit-tiġrif tal-ajruplan kienu mietu 96 persuna; dan kien l-agħar diżastru tipiku għall-Polonja mit-Tieni Gwerra ’l hawn.
Fil-jum fatali, l-ogħla mexxejja tal-Istat u l-militar tal-Polonja kienu fi triqthom lejn ċerimonja biex jitfakkar is-70 anniversarju mill-massakru ta’ Katyn – meta ’l fuq minn 20,000 uffiċjal Pollakk kienu nqatlu mill-Pulizija sigrieta Sovjetika.
Intant, l-investigazzjonijiet tal-Polonja u r-Russja kkonkludew li t-tiġrif kien dovut, fil-parti l-kbira, għal żball mill-pilota tat-Tu-154.
//= $special ?>

