Internazzjonali

Ariana Grande żżur lill-vittmi involuti fl-attakk ta’ Manchester

Il-kantanta Amerikana Ariana Grande żaret lil dawk il-persuni li ndarbu fl-attakk li seħħ f’Manchester Arena ftit wara li kien ntemm il-kunċert tagħha.

L-istilla tal-mużika pop qattgħet ftit tal-ħin maż-żagħżagħ u tfal li jinsabu rikoverati fir-Royal Manchester Children’s Hospital, ġurnata qabel il-One Love Manchester Concert – il-kunċert li se jkun qiegħed jiġi organizzat b’risq il-vittmi tal-attakk suwiċida.

Fost il-kantanti li se jkunu qed jieħdu sehem fil-kunċert se jkun hemm jakkumpanjaw lil Ariana Grande; Justin Bieber, Coldplay, Katy Perry, Pharrell Williams u Miley Cyrus.

Sadanittant, il-pulizija Brittanika għadha għaddejja bl-invesitgazzjonijiet hekk kif ġie arrestat ġuvni ta’ 24 sena fuq suspett ta’ terroriżmu.

B’kollox s’issa ġew arrestati 17-il persuna b’rabta mal-każ – fejn 22 persuna tilfu ħajjithom wara li żagħżugħ ta’ 22 sena sploda lilu nnifsu f’attakk suwiċida.