Internazzjonali

Bloomberg jemmen li l-Istati Uniti se tilqa’ l-obbligi tagħha b’riżq il-klima

 

L-eks Sindku ta’ New York, Michael Bloomberg, qal li l-Istati Uniti tista’ tilqa’ xorta l-impenji tagħha fil-ġlieda kontra l-bidliet fil-klima. Dan minkejja l-kontroversja kbira li għaddejja dwar id-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump biex jirtira mill-Ftehim Storiku tal-2015 li jħares lid-dinja mit-tniġġiż, u li kien intlaħaq f’Pariġi.

Bloomberg kellu laqgħat f’Pariġi mal-President Franċiż Emmanuel Macron u, waqt diskors, qal li l-impenji tal-Amerikani għall-ftehim jistgħu jsiru permezz ta’ skemi ta’ partnership fost l-ibliet, l-Istati u n-negozji. L-eks Sindku qal ukoll li l-Amerikani li jridu l-ġid għall-pjaneta mhumiex se jħallu lill-amministrazzjoni f’Washington tostakola l-ħidma b’riżq il-klima.

Bloomberg, illum, hu r-rappreżentant speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ibliet u l-bidliet fil-klima u qed jinsisti li l-Istati Uniti għandha tirrispetta xorta d-doveri tagħha b’riżq il-ftehim storiku tal-2015. Waqt id-diskors f’Pariġi hu qal li l-Istati Uniti diġà avvanzat nofs triq lejn dan l-impenn u tista’ taċċellera l-proċess għall-ħarsien tal-klima anki mingħajr l-appoġġ ta’ Washington.

Min-naħa tiegħu, il-President Emmanuel Macron qal li l-ftehim ta’ Pariġi hu wieħed irriversibbli u għandu jkun implimentat skont il-pjan.

Intant, l-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina u l-Indja — li flimkien mal-Istati Uniti huma stabbiliti bħala l-akbar produtturi tal-carbon dioxide — tennew mill-ġdid l-impenn sħiħ tagħhom b’risq il-ftehim dwar il-klima. Dan il-ftehim, fost oħrajn, jesiġi biex 195 pajjiż iżommu t-temperaturi globali ‘l isfel sew miż-żewġ gradi Celsius.