Wara kampanja qasira t’anqas minn ħames ġimgħat, l-elettorat Malti llum hu msejjaħ jagħmel l-għażla tiegħu u jivvota fl-elezzjoni ġenerali.
Il-votazzjoni fetħet fis-7 ta’ filgħodu u għaddejja sal-10 ta’ bil-lejl. Id-dokumenti tal-vot li ma nġabrux sa nofsillejl tal-Ħamis jammontaw għal aktar minn 8,300 hekk kif matul il-ġurnata tal-bieraħ ma kienx hemm ċans li wieħed immur jiġbor id-dokument tal-vot.
L-aktar distretti li minnhom ma nġabrux voti huma l-10 u t-12-il Distrett, filwaqt li l-aktar distretti li nġabru l-voti minn erbgħa snin ilu kien is-6 Distrett.
B’hekk minn 341,000 li oriġinarjament irreġistrati għall-votazzjoni 333,000 persuna huma eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni tal-lum.
Illum fuq NET Television se nkunu qed inwasslulkom servizz estensiv b’dak kollu li se jkun għaddej mill-postijiet tal-votazzjoni, b’links kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex. Wara li llejla jingħalqu l-postijiet tal-votazzjoni imbagħad jibda programm speċjali li se jkun qed janalizza t-turnouts.
Għall-votazzjoni tal-lum dawk il-persuna li għalqu l-75 sena u dawk li jinġiebu bl-istrechers jew mill-isptarijiet se jaqbżu l-kju li jkun hemm f’kull ħin tal-elezzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ ċertifikat tat-tabib. Persuni t’età bejn s-60 u l-75 sena se jitħallew jaqbżu l-kju bejn is-13.00 u l-17.00 ta’ waranofsinhar.
Dawk persuni morda li ma jistgħux jistennew fit-tul fil-kju irid ikollhom ċertifikat tat-tabib biex jitħallew jaqbżu l-kju.
Il-Kummissjoni Elettorali qalet fi stqarrija separata lbieraħ li dawk li llum se jsiefru se tingħata l-faċilità li jaqbżu l-kju, dawn għandhom juru xi forma ta’ dokument datat bi prova li llum se jkunu se jsiefru.
Il-Kummissjoni Elettorali avżat fil-jiem li għaddew li kull min jostakola b’xi mod l-aċċess ħieles tal-votant milli jivvota tkun ħatja ta’ reat skont il-liġi ta’ Malta.
Ladarba l-postijiet tal-votazzjoni jagħlqu llejla, l-attenzjoni se tmur fuq is-sala tal-għadd fin-Naxxar, fejn matul il-lejl, li jibda l-proċess tal-għadd fejn se jitpoġġu l-votazzjonijiet wiċċ ‘l isfel u fi grupp fil-pakketti ta’ 50.
L-issortjar tal-voti u jibdew jitpoġġu fil-pigeonholes rispettivi tagħhom skont il-vot numru wieħed, huwa mistenni li jibda fil-10 ta’ filgħodu t’għada.
//= $special ?>