Internazzjonali

Leo Varadkar se jkun il-Prim Ministru ġdid tal-Irlanda

Leo Varadkar se jsir il-Prim Ministru (taoiseach) li jmiss tal-Irlanda wara li rebaħ it-tmexxija tal-Partit Fine Gael.

Varadkar, li għandu 38 sena, se jkun l-iżgħar mexxej li qatt kellha l-Irlanda wara li hu għeleb lill-isfidant dirett tiegħu – il-Ministru tad-Djar, Simon Coveney – b’60 fil-mija tal-voti, biex jieħu t-tmun tal-partit tiegħu li hu l-akbar entità fil-gvern ta’ koalizzjoni.

Intant, Leo Varadkar se jieħu post Enda Kenny bħala Kap tal-Partit Fine Gael ( taċ-ċentru-xellug).

L-aħħar rapporti qalu li Varadkar kellu jikkuntattja lil Coveney biex jiddiskuti l-pożizzjoni tal-istess Coveney fil-Gvern ġdid. It-taħditiet kellhom jikkonċentraw ukoll fuq il-futur tal-partit.

F’dawn il-jiem, il-Kap ta’ Fine Gael se jkollu anki taħditiet mas-sieħba ta’ Fine Gael fil-Gvern, kif ukoll mal-Partit Fianna Fail.

Dan meta Varadkar qed jissimbolizza l-liberazzjoni tal-Irlanda li, darba, kienet meqjusa fost l-aktar Stati konservattivi ( minn lat soċjali) fl-Ewropa.

Intant, hu irid jiffaċċja l-isfidi kbar ekonomiċi, filwaqt li jaħdem fuq l-istrateġiji li jkattru l-irkuprar tal-Irlanda mid-diżastru finanzjarju ta’ xi snin ilu. Impenn ieħor hu kif il-pajjiż se jwieġeb għall-isfidi u r-realtajiet tal-Brexit, meta r-Renju Unit qed iħejji għall-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.