Futbol Sport

Real Madrid jegħlbu lil Juventus u jirbħu ċ-Champions League

Ronaldo ta’ Real hekk kif fetaħ l-iskor kontra Juventus

Real Madrid għelbu lil Juventus bi skor ta’ 4-1 fil-finali taċ-Champions League biex saru l-ewwel tim sa mill-1990 li rnexxielu jiddefendi t-titlu li rebaħ sena qabel.

L-aħħar li kienu għamlu dan kienu Milan imma minn meta l-kompetizzjoni bdiet tissejjaħ Champions League ħadd ma rnexxielu jirbaħ it-tazza darbtejn infila.

Ir-rebħa tat-tim immexxi minn Zidane kienet waħda meritata fejn wara bilanċ assolut fl-ewwel taqima, il-plejers Madrileni għamlu differenza grazzi għall-kwalità tagħhom.

Filwaqt li Juventus kienu sofrew biss tliet gowls matul il-kompetizzjoni kollha, kontra Real sofrew erba’ gowls fi spazju ta’ 90 minuta.
Din kienet it-12-il darba li Real rebħu t-tazza u fl-istess waqt ċaħħdu lill-Bianconeri mit-tielet suċċess f’din il-kompetizzjoni.

Din kienet it-tieni darba fl-istorja li Real għelbu lil Juventus fil-finali wara li kienu diġà għamlu dan fl-1998. B’din it-telfa Juventus komplew iżidu mar-rekord negattiv tagħhom tal-aktar tim li tilef finali ta’ din il-kompetizzjoni, sebgħa b’kollox.

Għal Real Madrid spikka Cristiano Ronaldo li skurja żewġ gowls biex sar l-ewwel plejer fl-istorja li jkun sab ix-xibka fi tliet finali taċ-Champions League. Sieħbu, l-captain ta’ Real Sergio Ramos sar l-ewwel captain li jkun refa’ t-tazza darbtejn infila.

Hu ċaħħad lill-captain tat-tim l-ieħor, Buffon milli jsir l-ixjeħ plejer li qatt ikun rebaħ iċ-Champions League (ir-rekord jinsab f’idejn Buffon). Grazzi għal din ir-rebħa, il-kowċ ta’ Real Zidane sar l-ewwel kowċ li rebaħ din il-kompetizzjoni darbtejn wara xulxin.

Kienu Juventus li ħarġu l-aħjar u wara biss erba’ minuti kien l-attakkantt Higuain li ra x-xutt tiegħu jkun salvat minn Navas. Tliet minuti wara reġa’ kien hemm azzjoni taċ-champions Taljani meta Mandzukic tefa’ cross li kien ikklirjat parzlajment u mir-rebound kien Pjanic li pprova xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li Navas salva tajjeb.

Kien fl-20 minuta li Real fetħu l-iskor meta f’azzjoni ta’ kontra attakk RONALDO għadda ballun lejn Carvajal u dan reġa’ qassamlu lura bil-winger Portugiż jegħleb lil Buffon b’xutt fil-baxx.

Dawn damu biss seba’ minuti jgawdu l-vantaġġ għax MANDZUKIC skurja ġmiel ta’ gowl b’rovexxata biex għamel l-iskor 1-1. Fit-tieni taqisma l-logħba kienet aktar kwieta biż-żewġ timijiet jippruvaw jinfdu d-difiża ta’ xulxin u fil-61 minuta kien CASEMIRO li skurja b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa, li kien anke devjat minn Khedira, bil-ballun jispiċċa fix-xibka għal skor ta’ 2-1.

Minn hawn ‘il quddiem Real ħadu kontroll tal-logħba u tliet minuti wara skurjaw ieħor permezz ta’ RONALDO li daħal bħal sajjetta fil-kaxxa hekk kif irċieva cross mill-ġenb mingħand Modric u għeleb lil Buffon għal skor ta’ 3-1.

Fl-aħħar minuta kien proprju l-eksplejer ta’ Juventus MORATA li ssiġilla r-rebħa b’gowl ieħor wara li rċieva ballun mill-ġenb.

Ta’ min jiftakar li issa Real kisbu anke d-dritt li jilagħbu fil-finali tal-UEFA Super Cup f’Awwissu li ġej fil-Maċedonja kontra r-rebbieħa tal-Europa League, Man Utd.