Futbol Sport

Futbol – Numru ta’ trasferimenti f’dawn l-aħħar jiem

Yaya Toure ġedded il-kuntratt ma’ Manchester City

Roberto Mancini maħtur kowċ ta’ Zenit
It-Taljan Roberto Mancini ġie maħtur kowċ ġdid ta’ Zenit u se jkun qed jieħu post Mircea Lucescu li ħalla lill-klabb ix-xahar li għadda. Mancini, li qabel l-istaġun li għadda kien ħalla lil Inter iffirma kuntratt ta’ sentejn.

Lucescu kien ħalla lil Zenit wara li t-tim temm fit-tielet post tal-kampjonat domestiku u safa eliminat mill-fażi tal-aħħar 32 tal-Europa League.
Ta’ min jiftakar li qabel ma mexxa lil Inter ħadem mat-tim Tork ta’ Galatasaray. Mancini se jkun it-tieni kowċ Taljan li se jkun qed imexxi lil Zenit wara li diġà għamel dan Luciano Spalletti bejn l-2010 u l-2012.

Del Neri se jibqa’ ma’ Udinese
Udinese ikkonfermaw li l-kowċ Luigi Del Neri ġedded il-kuntratt sa Ġunju tal-2018. Del Neri beda jmexxi lil Udinese f’Ottubru li għadda.

Hu kien ħa post Beppe Iachini, fit-3 ta’ Ottubru u mexxa lill-klabb sa nofs il-klassifika tas-Serie A.
Minn naħa tiegħu Del Neri qal, “Ninsab kuntent li ninsab hawn. Nistgħu nkomplu mexjin fit-triq li diġá qbadna dan l-istaġun, bl-obbjettiv li nkomplu ntejbu r-riżultati.”

Toure jġedded ma’ Man City
Il-midfielder ta’ Manchester City Yaya Toure ġedded il-kuntratt tiegħu b’sena mas-Citizens. Sa minn kemm ilu ma’ City Toure minn dejjem kien plejer strumentali għalihom fejn magħhom rebaħ darbtejn il-kampjonat u darbtejn il-League Cup.

Madankollu fil-bidu ta’ dan l-istaġun deher li l-avventura tiegħu ma’ City kienet se tiġi fi tmiemha wara li l-manager Pep Guardiola beda jħallih barra mit-tim. Minn Novembru li għadda Toure, grazzi għall-wirjiet tajbin li kellu reġà kiseb postu fit-tim u tant li issa d-diriġenti ddeċidew li joffru lil dan il-plejer ta’ 34 sena kuntratt ġdid. Sa issa Toure lagħab 299 darba ma’ Man City u skurja 81 gowl.
Intant, fl-istess waqt il-gowlkiper Joe Hart qal li se jirritorna ma’ Man Cty wara li fl-istaġun li għadda kien misluf lill-klabb Taljan ta’ Torino.

L-avventura tiegħu mal-Granata ma tantx kienet waħda tajba fejn sofra 62 gowl fi 36 logħba. Minkejja dan kollu hu qal li kienet esperjenza ferm pożittiva għalih, anke jekk fl-aħħar mill-aħħar se jagħżel li jerġa’ jibda jilgħab fil-Premiership.

Hart għadu marbut b’kuntratt ma’ City sal-2019 imma hu ċar li l-manager Guardiola jippreferi gowlkiper ieħor. B’hekk, Hart jidher li se jkun mibjugħ għaċ-ċifra ta’ madwar 20 miljun lira sterlina.

Falcao jġedded il-kuntratt
L-attakkant Radamel Falcao se jibqa’ ma’ Monaco wara li ġedded il-kuntratt tiegħu li se jiskadi fl-2020. Falcao beda l-istaġun li għadda bi pressjoni fuqu wara li kellu wirjiet ferm negattivi ma’ Man Utd u Chelsea imma mat-tim Franċiż l-istorja kienet waħda differenti hekk kif sab ix-xibka 21 darba f’29 partita u għen lit-tim jirbaħ il-kampjonat.

Monaco kellhom wirjiet tajbin fiċ-Champions League fejn waslu sas-semifinali u Falcoa skurja seba’ gowls fil-kompetizzjonijiet.

Din hi aħbar tajba għal Monaco wara li dawn għadhom kemm tilfu lil Bernardo Silva li ffirma ma’ Manchester City.

Barcelona se jżommu lill-gowlkiper
Barcelona ħabbru li l-gowlkiper Marc-Andre Ter Stegen ġedded il-kuntratt tiegħu magħhom u se jkun marbut mal-klabb sal-2022. Ter Stegen, li għandu 25 sena kellu kuntratt li kien se jiskadi fl-2019 imma issa la darba ffirma l-kuntratt ġdid klabbs li jridu jakkwistawh iridu jħallsu s-somma ta’ 180 miljun ewro.

Ter Stegen kien ingħaqad mal-Katalani fl-2014 meta dakinhar ħalla lil Borussia Monchengladbach. Fl-ewwel staġun tiegħu kien riserva ta’ Claudio Bravo imma fl-istaġun ta’ wara kiseb post titulari.
Matul dan ix-xahar Ter Stegen se jkun qed jifforma parti mit-tim nazzjonali Ġermaniż li se jkun qed jilgħab fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.

Mahrez se jħalli lil Leicester
Riyad Mahrez ħabbar li se jitlaq liċ-champions Ingliżi Leicester City. Il-plejer Alġerin kien strumentali żewġ staġuni ilu meta, kontra kull mistenni, għen lit-tim jirbaħ il-kampjonat tant li kien ivvutat bħala l-aqwa plejer tal-kampjonat.

Mahrez żvela li wara li Leicester rebħu l-kampjonat hu kellu qbil mad-diriġenti li jilgħab staġun ieħor u jħalli lit-tim. Mahrez qal li waħda mir-raġunijiet li se jħalli lil Leicester hu għax irid jilgħab ma’ klabb li jikkompeti fiċ-Champions League.

Begovic jingħaqad ma’ Bournemouth
Chelsea biegħu lill-gowlkiper Asmir Begovic lil Bournemouth. Din se tkun it-tieni darba li dan se jilgħab maċ-Cherries wara li kien misluf lilhom fil-passat. Begovic hi t-tieni plejer li ħalla lil Chelsea f’dawn l-aħħar jiem wara li l-attakkant Dominic Solanke ngħaqad ma’ Liverpool.

Begovic dam żewġ staġuni jilgħab ma’ Chelsea u kien ir-riserva ta’ Thibaut Courtois. Kien għalhekk li hu ħalla liċ-champions Ingliżi biex jilgħab futbol b’aktar mod regolari.

Ma’ Bournemouth Begovic se jissielet ma’ Artur Boruc u Adam Federici biex jikseb postu bejn il-lasti tat-tim imexxi minn Eddie Howe.

Huntelaar jiffirma ma’ Ajax
Ajax ħabbru li akkwistaw lill-attakkant li minn naħa tiegħu ffirma kuntratt ta’ sena. Huma ma ħallsu xejn biex akkwistaw lil dan il-plejer minħabba li kien għadu kemm skadielu l-kuntratt minn ma’ Schalke.

Din se tkun it-tieni darba li Huntelaar se jkun qed jilgħab ma’ Ajax wara li kien lagħab magħhom bejn l-2006 u l2—8. Matul il-karriera tiegħu Huntelaar lagħab anke ma’ Real Madrid u Milan.