Futbol Sport

“Għandi ċans ieħor biex nirbaħ iċ-Champions League” – Buffon

Jiem wara t-telfa fil-finali taċ-Champions League kontra Real Madrid il-gowlkiper ta’ Juventus Gianluigi Buffon qal li għad fadallu l-aħħar ċans biex jirbaħ din it-tazza hekk kif fadallu sena kuntratt mal-Bianconeri.

Nhar is-Sibt li għadda ġiet fi tmiemha edizzjoni oħra tal-kompetizzjoni taċ-Champions League u reġgħu kienu Real Madrid li rebħu t-tazza meta fil-finali għelbu lil Juventus bi skor ta’ 4-1 biex saru l-ewwel tim sa mill-1990 li rnexxielu jiddefendi t-titlu li rebaħ sena qabel.

L-aħħar li kienu għamlu dan kienu Milan imma minn meta l-kompetizzjoni bdiet tissejjaħ Champions League ħadd ma rnexxielu jirbaħ it-tazza darbtejn infila.

Buffon, li llum-il ġurnata għandu 39 sena għadu qatt ma rebaħ din il-kompeitzzjoni u f’dawn l-aħħar snin kien ferm viċin li jagħmel dan hekk kif Juventus waslu sal-finali mhux biss f’dan l-istaġun imma anke fl-2015. Buffon qed jippjana li jirtira wara li jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja.