Il-pulizija li qed jinvestigaw l-attakk tas-Sibt li għadda f’Londra qalu li saru jafu bl-identità tat-tliet aggressuri responsabbli li qatlu seba’ persuni u ħallew 48 midruba.
L-awtoritajiet qalu li l-ismijiet tat-terroristi ‘kellhom joħorġu fil-pubbliku mill-aktar fis’, meta l-Pulizija kienet qed tindaga jekk dawn kenux parti minn network akbar ta’ militanti.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li l-vittmi tal-aħħar terrur kienu ġejjin minn diversi pajjiżi, b’dan l-attakk ikun ‘indirizzat kontra d-dinja ħielsa’.
Fl-aħħar sigħat, il-pulizija arrestat ‘numru ta’ nies’ biex jgħinu fl-investigazzjonijiet, bl-arresti jsiru waqt rejds fl-inħawi ta’ Newham u Barking. Ingħad li tal-anqas 11-il suspettat kienu qed jinżammu wara r-rejd ta’ Barking, fejn residenza partikulari ssemmiet bħala ‘id-dar ta’ wieħed mill-aggressuri’.
It-tliet terroristi li tard fil-lejl tas-Sibt attakkaw lil kulmin seħħ quddiemhom, spiċċaw maqtula mill-pulizija armati fil-kapitali. Dan wara li t-terroristi kienu saqu vann għal fuq in-nies mexjin fuq London Bridge, qabel aggredew lin-nies bis-skieken, fl-inħawi tal-Borough Market.
L-aħħar rapporti qalu li madwar 36 ferut għadhom qed jinżammu l-isptar u li nofshom jinsabu f’sitwazzjoni kritika.
Sadanittant, l-ogħla kapijiet tal-Pulizija Metropolitana kkonfermaw li nstabu ‘ammont kbir ta’ provi u materjal forensiku fil-vann li ntuża għall-attakk’. Dan meta r-rejds tal-pulizija fi Newham u Barking żvelaw anki ‘xi informazzjoni interessanti’. L-investigazzjoni tidher li qabdet ritmu sew u l-prijorità tal-Pulizija hi li tistabbilixxi jekk kienx hemm ħaddieħor involut fil-kumplott terroristiku.
//= $special ?>