Elezzjoni 2017 Lokali

Joseph Muscat jieħu l-ġurament bħala Prim Ministru ta’ Malta

L-għada li sar uffiċjali li l-Partit Laburista ngħata mandat ieħor ta’ ħames snin fit-tmexxija ta’ pajjiżna, il-mexxej Laburist Joseph Muscat deher quddiem il-President ta’ Malta biex jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru ta’ Malta.

Joseph Muscat deher quddiem il-President Marie Louise Coleiro Preca fis-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Palazz tal-President fil-Belt ftit wara nofsinhar.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Prim Imħallef, Silvio Camilleri, l-Avukat Ġenerali, Peter Grech u l-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar.

Preżenti wkoll mart il-Prim Ministru Michelle Muscat flimkien ma’ wliedhom it-tewmin Soleil u Etoile, kif ukoll id-Deputat Mexxejja tal-Partit Laburista, Chris Cardona u Louis Grech fost uffiċjali oħra.

Fi tmiem din iċ-ċerimonja huma ħarġu fil-gallarija tal-Palazz biex sellmu lill-folla ta’ Laburisti fi Pjazza San Ġorġ.

Aktar tard Joseph Muscat mexa’ minn Triq Repubblika lejn il-Berġa ta’ Kastilja fejn daħal bħala Prim Ministru u wara ħareġ isellem lil folla kbira ta’ partitarji laburisti li nġabru fi Pjazza Kastilja.