Elezzjoni 2017 Lokali

Liem huma l-kandidati eletti fil-Parlament s’issa?

Matul il-ġurnata tat-Tnejn, fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti kompla għaddej il-proċess tal-għadd u tqassim tal-voti li wassal ukoll biex bdew jiġu eletti d-deputati għal-leġiżlatura li jmiss.

Sakemm morna għall-istampa, mill-Ewwel Distrett kien elett il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco b’4,721 kif ukoll Jose’ Herrera b’4,630 vot għall-Partit Laburista.

Mit-Tieni Distrett kien Joseph Muscat l-ewwel li ġie elett b’14,674 vot għall-Partit Laburista waqt li għall-Partit Nazzjonalista kien elett Stephen Spiteri li akkwista 4,671 vot.

Fit-Tielet Distrett kien elett Chris Fearne għall-Partit Laburista waqt li fir-Raba’ Distrett s’issa kienu eletti tliet kandidati tal-Partit Laburista, jiġifieri Chris Fearne, Konrad Mizzi u Silvio Parnis, b’dan tal-aħħar jiġi elett fit-tielet count.

Joseph Muscat kien elett ukoll fuq is-Ħames Distrett bi 12,886 vot b’Silvio Schembri elett mis-Sitt Distrett bi 3,950 vot. Iktar tard, fit-tnax-il count, ġie elett Ryan Callus għall-Partit Nazzjonalista.

Fis-Seba’ Distrett, l-ewwel eletti huma Ian Borg b’5,566 vot u Edward Scicluna b’4,197 għall-Partit Laburista. Fit-Tmien Distrett, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami akkwista 6,484 vot biex ġie elett fl-ewwel count.

Kristy Debono, għall-Partit Nazzjonalista, kisbet 4,022 vot fl-ewwel count biex kienet eletta mill-ewwel mid-Disa’ Distrett. L-istess għal Robert Arrigo, li b’4,793 vot ġie elett mill-ewwel count fuq l-Għaxar Distrett.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li ħareġ fuq il-Ħdax-il Distrett fejn akkwista 11,266 vot u fit-Tnax-il Distrett fejn kiseb 9,389 vot biex ġie elett mill-ewwel count minn dawn iż-żewġ distretti.

F’Għawdex, il-partiti rispettivi eleġġew żewġ kandidati mill-ewwel count, jiġifieri Anton Refalo għall-Partit Laburista b’4,853 vot u Chris Said għall-Partit Nazzjonalista għal 4,642 vot.

Intant f’nofs il-ġurnata, l-għadd tal-voti waqaf għal minuta fejn ġie osservat ukoll silenzju bħala turija ta’ rispett lejn l-eks Kummissarju Elettorali Vanni Ganado li ħalla din id-dinja matul il-lejl.

Fl-istess waqt, matul dan il-proċess kollu, fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti kien għad hemm numru ta’ uffiċċjali mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-ELCOM, bl-aġenti jsegwu l-proċess tal-għadd u tqassim tal-voti.

F’kumment ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, id-Direttur tal-ELCOM Matthew Mangion spjega li x-xogħol tal-aġenti tiegħu se jkomplu jsegwu l-proċess li mistenni jieħu fit-tul u jibqa’ għaddej anke fil-jiem li ġejjin.

Iżda mhux biss, għaliex l-uffiċċju ELCOM jibqa’ jaħdem anke fix-xhur li ġejjin, wara li dan il-proċess jintemm.