Internazzjonali

Pajjiżi jaqtgħu l-irbit mal-Qatar ‘dwar appoġġ lill-ISIS’

 

Numru ta’ pajjiżi Għarab, fosthom l-Arabja Sawdija u l-Eġittu, qatgħu r-rabtiet diplomatiċi mal-Qatar meta qegħdin jakkużaw lill-awtoritajiet f’Doha li qed jiddistabbilizzaw lir-reġjun.

Il-pajjiżi qegħdin jgħidu li l-Qatar qed jappoġġja lill-gruppi militanti, fosthom l-ISIS u l-Al-Qaeda, b’Doha tiċħad li dan huwa minnu.

L-aġenziji tal-aħbarijiet qalu li l-Arabja Sawdija għalqet il-fruntieri tagħha, fejn inqatgħu l-kuntatti mill-art, mill-ajru u bil-baħar mal-peniżola tal-Qatar, li hi sinjura fiż-żejt.

Sadanittant, it-Tmexxija f’Qatar fissret id-deċiżjoni bħala ‘mhix ġustifikata’ waqt li qalet li l-akkużi dwar l-assoċjazzjoni mal-militanti huma ‘kollha mingħajr bażi’.

Il-pass bla preċedent mill-Arabja Sawdija, l-Eġittu u pajjiżi oħra jissimbolizza diżgwid notevoli bejn il-pajjiżi tal-Golf li huma anki alleati kbar tal-Istati Uniti.

L-iżviluppi seħħew ukoll fi żmien ta’ tensjoni akuta bejn l-Istati tal-Golf u l-Iran fundamentalista. Fil-fatt, stqarrija minn Riyadh akkużat lill-Qatar ‘li qed jikkollabora mal-entitajiet terroristiċi li huma appoġġjati mill-Iran’ fir-reġjun Sawdi ta’ Qatif, kif ukoll fil-Bahrain.

L-irtirar diplomatiku mill-Qatar beda min-naħa tal-Bahrain u kompla bl-inizjattiva tal-Arabja Sawdija. Imbagħad segwew dan l-eżempju l-Emirati Għarab Magħquda (UAE); l-Eġittu; il-Jemen u l-Gvern Libjan li għandu l-bażi fil-Lvant tal-libja.

Is-sorsi tal-aħbarijiet Sawdi kkwotaw uffiċjali fis-sens li d-deċiżjoni ttieħdet ‘għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (tal-Arabja Sawdija) kontra l-perikli tat-terroriżmu u l-estremiżmu’.

L-Arabja Sawdija, il-UAE u l-Bahrain kollha taw lir-residenti u viżitaturi li ġejjin mill-Qatar sa ġimagħtejn żmien biex iħallu t-territorji tagħhom.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Bahrain qalet li l-pajjiż kien qed jaqta’ r-relazzjonijiet mal-Qatar ‘għaliex dan kien qed jheżżeż lis-sigurtà u l-istabbilità fil-pajjiż minbarrali jindaħal fl-affarijiet interni ( tal-Bahrain)’.

Għalissa ma jidhirx li l-Qatar qed jieħu xi forma ta’  ritaljazzjoni diplomatika għal dawn il-passi.