Simon Busuttil se jkun qed iħalli l-kariga ta’ Kap tal-PN wara li jintemm il-proċess illi fih jinħatar Kap suċċessur. Dan sabiex tiġi assigurata kontinwita’ fil-PN. Fl-istess waqt, Simon Busuttil se jkun qed jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni, sakemm jiġi konkluż dan il-proċess.
Dan tħabbar minn Simon Busuttil innifsu f’konferenza tal-aħbarijiet illi matulha ħabbar ukoll illi t-tmexxija kollha tal-partit, inkluż il-Viċi Kapijiet, se jispiċċaw mill-karigi tagħhom.
Fil-kummenti li għadda lill-media, Simon Busuttil qal illi huwa kburi li tul il-kampanja wassal messaġġ ta’ tama favur politika nadifa.
Hu irringrazzja lill-eluf illi ivvutaw lill-Forza Nazzjonali u l-PN, lill-mijjiet ta’ attivisti u volontiera, lill-ħaddiema tal-media u tal-partit, lill-kandidati u b’mod partikolari lill-familja tiegħu.
Simon Busuttil stqarr li kien privileġġ għalih illi jmexxi l-Partit Nazzjonalista – partit li se jkun qed iħallih bi strutturi aktar organizzati u finanzjarjament aktar b’saħħtu.
Il-proċess għall-ħatra ta’ tmexxija ġdida se jkun qed jibda wara laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonalista illi matulha jiġu deċiżi id-dati eżatti ta’ kif se jitmexxa dan il-proċess.
Ara l-indirizz tal-Kap tal-PN Simon Busuttil hawn taħt
Ir-riżultat elettorali huwa dak li hu u l-Partit Nazzjonalista, b’dinjità u b’maturità, jirrispetta l-verdett tal-poplu, kif dejjem għamel.
Jiena kburi li matul il-kampanja elettorali rnexxielna nwasslu messaġġ ta’ tama li emminna fih bis-saħħa: jiġifieri li hemm mod differenti kif għandha ssir il-politika f’pajjiżna, li jkollna governanza tajba, istituzzjonijiet indipendenti u li s-sistema politika f’pajjiżna jeħtieġ titnaddaf qabel ma jkun tard wisq. Fuq kollox, kburi li l-messaġġ tagħna kien mibni fuq il-valuri li nemmnu fihom bis-saħħa, jiġifieri, l-onestà u l-integrità.
Għandi messaġġ lill-135,000 votant li vvota għall-politika li offrejna aħna: f’dan il-mument diffiċli, ejja nżommu d-dinjità u ejja nżommu sod dak li emminna fih. Dak li bdejna, dak li emminna fih, jibqa’ validu u jibqa’ tajjeb. Fl-aħħar ġimgħat irnexxielna noħolqu xi ħaġa speċjali li waslet biex numru inkredibbli ta’ nies bdew jemmnu fil-kawża tagħna u bdew iħossuhom parti minn dak li ħloqna, dik il-fjamma li xegħlna. Għalkemm, f’minoranza, intom tibqgħu minoranza importanti f’pajjiżna u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħtikom vuċi b’saħħitha u se jibqa’ jirrapreżenta dak li intom temmnu fih.
Kif ħabbart il-bieraħ, minn issa ‘l quddiem, il-Partit irid jibda proċess sabiex jieħu stokk tar-riżultat. L-ewwel li għandu jsir huwa li jinbeda l-proċess biex tiġi eletta tmexxija ġdida tal-partit.
Bħala Kap tal-partit, jiena nerfa’ r-responsabbilità politika sħiħa tar-riżultat u nemmen li l-partit għandu jagħżel Kap ġdid sabiex immexxih f’din il-fażi ġdida.
Għalhekk qed inħabbar li jiena mhux se nibqa’ mmexxi l-partit u se nara li jibda minnufih il-proċess sabiex jiġi elett Kap ġdid.
Dalgħodu sejjaħt laqgħa tat-Tmexxija tal-Partit li tinsab preżenti hawn miegħi u infurmajthom bid-deċiżjoni tiegħi. F’isimhom nista’ nħabbar ukoll li huma wkoll għażlu li jerfgħu responsabbilità għar-riżultat u li għalhekk huma wkoll mhux se jerġgħu jikkonestaw il-kariga tagħhom.
Aktar tard din il-ġimgħa se nsejjaħ laqgħa għall-attivisti tal-Partit sabiex ninfumahom personalment bid-deċiżjoni tiegħi.
Aktar tard din il-ġimgħa, hekk kif jingħalaq il-proċess tal-għadd tal-voti, se nsejjaħ ukoll laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv sabiex japprova l-proċedura u d-dati li fihom se jsiru l-elezzjonijiet tat-tmexxija l-ġdida tal-partit. Infakkar, li wara l-bidliet li saru fl-istatut fl-2014, il-Kap u Viċi-Kapijiet ġodda tal-partit iridu jinħatru minn proċess fejn għall-ewwel darba, se jkunu t-t-tesserati tal-partit li jagħżluhom.
Bħala tmexxija, aħna se nibqgħu fil-kariga sakemm jintemm il-proċess ta’ għażla tat-tmexxija ġdida sabiex niżguraw li l-ħidma tal-partit tibqa’ għaddejja bla ma jinħoloq vakum u sabiex niżguraw li l-proċess elettorali jkun wieħed organizzat, ġust u trasparenti.
Fil-każ tiegħi, se nibqa’ nservi wkoll bħala Kap tal-Oppożizzjoni sakemm il-Kap ġdid tal-partit jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni minfloki.
Irrid ngħid li minkejja r-riżultat elettorali, jiena kburi li se nħalli warajja partit li huwa organizzat tajjeb, li ġġieled kampanja elettorali tajba u li anki fejn jidħlu finanzi saħansitra irnexxielna nkopru l-ispejjeż kollha tal-kampanja elettorali.
Fl-aħħarnett, irrid nagħmel ftit ringrazzjamenti: grazzi, l-ewwelnett lil dawk kollha li nhar is-Sibt taw il-fiduċja tagħhom lill-kandidati tal-Forza Nazzjonali; grazzi lill-kandidati kollha li taw is-servizz tagħhom b’impenn u dedikazzjoni kbira; grazzi lil dawk kollha li għenu f’din il-kampanja, uffiċjali tal-partit, ħaddiema tal-partit, ħaddiema tal-media tal-partit u eluf ta’ volontiera li taw qalbhom għall-partit.
Grazzi wkoll lil Marlene Farrugia u l-kandidati kollha tal-Partit Demokratiku li flimkien magħhom ħloqna Forza Nazzjonali li għalkemm f’minoranza, hija forza b’saħħitha f’pajjiżna.
Grazzi minn qalbi lil dawk li ħdimt l-aktar viċin tagħhom matul l-aħħar erba’ snin, b’mod partikolari it-tmexxija tal-partit u l-istaff tal-uffiċċju tiegħi u tal-partit u t-tim fantastiku ta’ volontiera li kienu jgħinu kuljum miegħi kull fejn mort u fl-uffiċċju tiegħi.
Fuq nota aktar peronsali, irrid ngħid li kien ta’ privileġġ kbir għalija li mmexxi dan il-partit glorjuż u se nibqa’ ngħożż l-esperjenza sabiħa tal-aħħar erba’ snin tul ħajti kollha.
Jiena se nħalli l-kariga tiegħi b’kuxjenza nadifa, li matul l-aħħar erba’ snin tajt kull ma stajt, b’saħħti kollha, bl-enerġija tiegħi kollha u bid-determinazzjoni tiegħi kollha u li ma kien hemm xejn, assolutament xejn, li stajt nagħmel aktar u m’għamiltux.
Fl-aħħar, iżda żgur mhux l-anqas, irrid nirringrazzja lill-familja tiegħi li matul l-aħħar erba’ snin tawni appoġġ inkredibbli biex inkun nista’ nagħmel dak li għamilt – Kristina, il-ġenituri tagħna t-tnejn, ħutna u fuq kollox it-tfal tagħna, Greg, Zak u Pippa. Ċert li l-konsolazzjoni tagħhom hija li issa se niddedika ħafna aktar ħin għalihom, kif wara kollox jixirqilhom.
//= $special ?>