Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE – Il-UEFA tħabbar it-tim tas-sena

Buffon

Nhar is-Sibt li għadda ġiet fi tmiemha edizzjoni oħra tal-kompetizzjoni taċ-Champions League u reġgħu kienu Real Madrid li rebħu t-tazza meta fil-finali għelbu lil Juventus bi skor ta’ 4-1 biex saru l-ewwel tim sa mill-1990 li rnexxielu jiddefendi t-titlu li rebaħ sena qabel.
L-aħħar li kienu għamlu dan kienu Milan imma minn meta l-kompetizzjoni bdiet tissejjaħ Champions League ħadd ma rnexxielu jirbaħ it-tazza darbtejn infila. Jum wara l-UEFA ħabbret l-aktar 11-il plejer li spikkaw waqt dan it-turnament prestiġjuż.

G.Buffon (Juventus): Li kieku Real Madrid ma rebħux it-tazza u kienu Juventus li għamlu dan ħafna huma tal-fehma li kien ikun proprju l-gowlkiper Buffon li jkun l-akbar favorit għar-rebħ tal-Ballun tad-Deheb. Il-wirjiet ta’ dan il-plejer ta’ 39 sena kienu mill-aqwa fejn sa qabel ma ntlagħbet il-finali kien sofra biss tliet gowls. Bla dubju li fl-istaġun li ġej se jkun qed jerġa’ jagħmel minn kollox biex jirbaħ l-uniku trofew li għad jonqsu jirbaħ fil-karriera tiegħu.

D.Alves (Juventus): Alves mhux biss kien strumentali fid-difiża tal-Bianconeri imma anke kien ferm deċiżiv la darba attakka. Hu skurja tliet gowls u ipprovda erbgħa oħra matul dan l-istaġun.

S.Ramos (R.Madrid): Grazzi għar-rebħa fil-finali tas-Sibt li għadda, Sergio Ramos sar l-ewwel captain fl-istorja taċ-Champions League li jkun rebaħ it-tazza darbtejn infila. Bħal kważi kull staġun Ramos kien pilastru tat-tim Spanjol li din is-sena mhux biss rebaħ iċ-Champions League imma anke l-kampjonat domestiku.

G.Chiellini (Juventus): Minkejja li fil-finali ta’ Cardiff ma tantx impressjona wieħed ma jistax jgħid li Chiellini kien wieħed mir-raġunijiet li Juventus sofrew ftit gowls sa qabel ma għamluha sal-finali. L-aħjar wirja tiegħu kienet bla dubju fir-rawnd tan-knockout kontra Barcelona.

Marcelo (R.Madrid): Bħal ma hu Dani Alves ma’ Juventus, Marcelo hu l-istess għal Real Madrid. Plejer li minkejja li x-xogħol prinċipali tiegħu hu li jiddefendi dejjem kien deċiżiv meta jattakka. Hu biss Toni Kroos li pprovda aktar assists minnu.

T.Alcantara (B.Munich): Fis-snin li għaddew Alcantara kien dejjem sfortunat minħabba li sofra diversi injuries serji. Iżda dan l-istaġun wera li la darba hu jkun f’sikktu fiżikament hu wieħed mill-aqwa midfielders li hawn fl-Ewropa. Il-logħba tiegħu tjiebet ħafna minn meta Carlo Ancelotti beda jmexxi lil Bayern Munich. Matul l-istaġun hu skurja żewġ gowls u pprovda tliet assists.

T.Kroos (R.Madrid): Bla dubju l-aktar plejer kreattiv li kien hemm fil-kompetizzjoni. Ħarsa lejn l-istatistika turi li hu kien l-aktar plejer preċiż fil-kompetizzjoni meta wieħed jikkunsidra t-tqassim.

O.Dembele (B.Dortmund): Dembele ta’ Dortmund kien wieħed mill-aktar plejers deċiżivi tal-kompetizzjoni b’numru kbir ta’ assists. L-eksplejer ta’ Rennes skurja anke darbtejn u kapaċi jilgħab mhux biss bħala midfielder imma anke bħala winger.

Neymar (Barcelona): Il-plejer Brażiljan kien l-aktar plejer li pprovda assists matul din il-kompetizzjoni,b’total ta’ tmienja. Barra minn hekk hu skurja erba’ gowls u wieħed jista’ jgħid li kien l-eroj indiskuss fir-rimonta storika ta’ Barcelona kontra PSG fir-rawnd tan-knockout.

C.Ronaldo (R.Madrid): Bla dubju l-aktar plejer li spikka fil-kompetizzjoni. Hu temm bħala l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni bi 12-il gowl u niżżel ismu fl-istorja billi sar l-ewwel plejer li qatt skurja fi tliet finali taċ-Champions League. Barra minn hekk hu pprovda ħames assists waqt il-kompetizzjoni. Tkun sorpriża kbira jekk ma jkunx hu li jirbaħ il-Ballun tad-Deheb.

L.Messi (Barcelona): Minkejja li ma għenx lit-tim tiegħu jagħmilha sal-fażi tal-aħħar tmienja wieħed ma jistax ma jinsiex il-11-il gowl li skurja f’din il-kompetizzjoni. Il-wirjiet ta’ Messi fiċ-Champions League rari kienu negattivi u wieħed jista’ jgħid li għal darba oħra l-plejer Arġentin naqas mili jiddiżappunta.