Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: “Il-Partit Nazzjonalista ma jaqta’ qalbu qatt” – Simon Busuttil, Kap tal-PN

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil sostna li l-PN ma jaqta’ qalbu qatt għaliex jibbaża l-politika tiegħu fuq l-onestà, l-intergità u l-politika korretta.

Din id-dikjarazzjoni l-Kap tal-PN Simon Busuttil għamilha meta indirizza attivisti tal-PN fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà.

Simon Busuttil qal li s-serjetà titlob li l-PN jaċċetta r-riżultat elettorali b’dinjità u maturtità iddikjara li m’hemmx evidenza li l-proċess elettorali ma kienx wieħed korrett.

Hu qal li dan ir-riżultat ma jfissirx li hemm min għandu raġun u hemm min m’għandux jew li hemm messaġġ li għandu raġun u messaġġ ieħor li m’għandux raġun. Dan ifisser li hemm fehmiet differenti. Il-PN jirrapreżenta dak li jemmen fih li hu mibni fuq il-valuri tad-demokrazija. Hu qal li l-PN jemmen u ħadem fuq il-prinċipju ta’ tmexxija onesta u governanza tajba. Lil hinn mill-flus, il-PN jemmen bis-saħħa fil-valur tat-tmexxija nadifa fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod indipendenti fl-interess tan-nies u mhux ta’ min ikun fil-gvern. Dawn huma priniċpji li l-PN jemmen fihom b’passjoni, sostna Simon Busuttil fejn insista li dak li jemmen fih il-PN għadu tajjeb u validu u l-PN mhux se jarmih.

Il-Kap tal-PN sostna li l-PN se jibqa’ kburi li jemmen f’dawn il-valuri u għalhekk in-Nazzjonalisti u l-Maltin li jemmnu fis-sewwa għandhom ikunu kburin. Il-PN se jibqa’ jirrapreżenta l-valuri tal-onestà, l-integrità u l-verità.

Simon Busuttil kompla li n-Nazzjonalisti għandhom jibqgħu b’rashom mgħollija għaliex din m’hix politika fejn in-Nazzjonalisti jkunu kontra l-Laburisti; għaliex kull min iħobb lill-pajjiż hu nazzjonalist.

Il-Kap tal-PN kompla li hemm Laburisti li jħobbu lil pajjiżhom u għalhekk dawn huma milqugħa fil-PN, li hu d-dar tagħhom.

Filwaqt li qal li hu jerfa’ r-responsabbiltà kollha tar-riżultat elettorali, Simon Busuttil sostna li dan jagħmlu għax jemmen f’dak li jgħid u għaliex imexxi b’eżempju u bil-fatti. Dan kontrarjament għal ħaddieħor li quddiem investigazzjonijiet kriminali ma rriżenjax u baqa’ fil-poter. Fil-politika rridu ngħixu dak li nemmnu fih, sostna Simon Busuttil, li kompla li t-tmexxija m’għandhiex tkun ibbażata fuq il-bullying iżda għandha tkun waħda ta’ eżempju li fiha l-politiku juri li jemmen f’dak li jgħid.

Dwar il-proċess ta’ kap ġdid, Simon Busuttil qal li dan se jibda issa li hu iddikjara li mhux se jibqa Kap tal-PN. Dan mhux ss jkun proċess mgħaġġel li miegħu jaqblu l-uffiċjali kollha tal-partit li lkoll assumew ir-reponsabbiltajiet tagħhom. Il-PN kien, għadu u se jibqa’, sostna Simon Busuttil, filwaqt li kompla li issa se jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN biex tibda l-proċedura minħabba li l-aħħar kelma fl-għażla tal-Kap il-ġdid tal-PN se tkun tat-tesserati. L-ammont ta’ tesserati fil-PN hu ta’ madwar 23,000.

Se jkun il-Kunsill Ġenerali tal-PN li fl-ewwel stadju li se jagħżel l-aħjar żewġ kandidati bejn in-numru ta’ kandidati għall-Kap tal-PN. Il-Kunsill Ġenerali tal-PN hu magħmul minn 1500 kunsillier. Hu mistenni li l-proċess kollu jitlesta sa Settembru iżda bejn issa u Settembru mhux se jkun hemm vojt fit-tmexxija tal-PN għaliex kemm hu kif ukoll l-uffiċjali tal-PN se jibqgħu jgħaqdu d-doveri tagħhom. Il-proċess kollu se jkun serju u trasparenti; kif isiru l-affarijiet fil-PN. Dan filwaqt li l-PN se jibqa’ vuċi soda u oppożizzjoni b’saħħitha ibbażata fuq il-valuri li jemmen fihom.

Dwar l-istat li jinsab fih il-PN, Simon Busuttil qal li l-PN hu b’saħħtu kemm mill-aspett organizzativ kif ukoll finanzjarju fejn il-kampanja elettorali tħalset kollha u ma sarx dejn. Dan filwaqt li l-PN organizza kampanja b’saħħitha li fiha wassal il-messaġġ b’dinjità. Hu appella lill-Maltin li jħossu li għandhom jagħtu kontribut politiku biex iqumu u jipparteċipaw. Hu qal li hu normali li kull gvern jagħmel żewġ leġislaturi u għalhekk l-elezzjoni li jmiss tista’ tintrebaħ mill-PN.

Il-Kap tal-PN kompla li hu se jibqa jġorr din l-esperjenza tul ħajtu kollha għaliex fiha hu ta iżda irċieva wkoll fosthom l-imħabba tal-attivisti flimkien mal-enerġija, il-lealtà u d-dedikazzjoni tagħhom. Simon Busuttil qal li kien se jħalli wirt fil-PN; wirt li l-PN jaħdem b’politika ta’ imġieba korretta fejn il-PN ikun partit b’politika korretta.

Il-Kap tal-PN qal li l-PN ma jaqta’ qalbu qatt u lest jippersisti quddiem kull sfida b’dinjità u determinazzjoni. Hu temm billi appella lin-Nazzjonalisti biex ikunu kburin għaliex iktar Maltin se jingħaqdu u jifhmu l-politika onesta tal-PN.