Lokali

Il-kumpanija Betsson Group tgħid li se tibqa’ topera f’Malta

Il-kumpanija Betsson Group li taħdem fl-industrija tal-gaming ikkonfermat li se tibqa’ topera f’Malta għas-snin li ġejjin. Dan tħabbar wara laqgħa qasira li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu ma Ulrik Bengtsson, is-CEO u l-President ta’ Bettson Group fl-uffiċċji tal-kumpanija f’Ta’ Xbiex.

F’kummenti lil media kif spiċċat il-laqgħa, il-Prim Ministru qal li Betsson reġgħet ikkonfermat l-impenn tagħha favur il-pajjiż. Hu qal li din hi waħda mill-ikbar kumpaniji fl-industrija tal-online gaming u tal-ekonomija diġitali f’Malta u wieħed iħares ’l quddiem għal aktar kontribut ta’ Betsson fl-ekonomija tagħna. Hu qal li jinsab kuntent b’din il-konferma u jħares ’l quddiem lejn aktar investimenti f’dan is-settur.

Il-Prim Ministru qal li r-regolatur infurmaħ li tal-inqas se jkun hemm żewġ applikazzjonijiet  oħra  minn kumpaniji ewlenin. Hu qal li l-ewwel proċess f’kull ri-allokazzjoni hu li wieħed japplika għal liċenzja u wara jibda l-proċess ta’ rilokazzjoni. Hu qal li safejn jaf hu hemm non disclousure agreement ma dawn iż-żewġ kumpaniji. Joseph Muscat qal li ma SkyBet hemm waiver dwar dan u l-ewwel proċess ma din il-kumpanija hu li jingħataw liċenzja u wara wieħed jimxi għal affarijiet oħra. Hu qal li ż-żewġ applikazzjonijiet huma minn kumpaniji tal-gaming magħrufa.

Min-naħa tiegħu Ulrik Bengtsson filwaqt li feraħ lill-Prim Ministru Joseph Muscat għar-rebħa elettorali, qal li kien unur għal Betsson li l-Prim Ministru għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu lil din il-kumpanija.

Hu qal li huma għandhom l-istess interessi ta’ kull gvern f’Malta, jiġifieri ekonomija b’saħħitha, investimenti fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u r-reputazzjoni ta’ Malta madwar id-dinja.

Ulrik Bengtsson qal li għal żmien twil Malta marret tajjeb u dak li hu tajjeb għal Malta hu tajjeb ukoll għal Betsson u viċi versa. Hu qal li huma jinsabu kuntenti f’Malta u se jkomplu bil-preżenza tagħhom f’Malta bħalma għamlu sa mis-sena 2004 meta bdew joperaw f’Malta. Hu qal li għandhom żewġ uffiċċji f’Malta b’aktar minn 1,000 impjegat u jikkontribwixxu għal wieħed fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Betsson Group qal li l-ħsieb tagħhom hu li jibqgħu f’Malta u m’għandhomx ħsieb jiċċaqilqu n-negozju tagħhom barra minn Malta. Il-pjan tagħhom hu li jkollhom preżenza qawwija f’Malta imma bħal kull kumpanija oħra huma jmorru wkoll f’pajjiżi oħra.

Sadattant, mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk Keith Schembri hux se jkun iċ-Chief of Staff tiegħu, il-Prim Ministru qal li dwar dan hu jagħti dettalji aktar tard.