Futbol Sport

Suċċess: Malta tirbaħ 1-0 kontra l-Ukrajna

F’partita ta’ ħbiberija fi Graz fl-Awstrija, t-tim nazzjonali Malti rebaħ 1-0 kontra l-Ukrajna. Din kienet rebħa mill-aktar meritata li żgur timla lill-Maltin b’kuraġġ għal impenn ferm aktar importanti li jmiss fil-jiem li ġejjin.

Il-Maltin kienu qed użaw din il-logħba biex iħejju għall-partita ta’ erbat ijiem oħra barra minn darhom kontra s-Slovenja. Din hi logħba valida għar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
L-ewwwel azzjoni kienet minn naħa tal-Ukrajna meta freekick ċentrali ta’ Stepanenko li kien salvat faċilment minn Hogg.

Wara biss 14-il minuta l-Maltin marru fil-vantaġġ. Cross perfett ta’ Alex Muscat u Zach MUSCAT skurja b’daqqa ta’ ras li biha għeleb lil Pyatov għal 1-0.
Ir-reazzjoni tal-Ukrajna waslet fis-26 minuta minn cross ta’ Yarmolenko u xutt ta’ Kovalenko li mar ftit barra. L-Ukreni bdew joħolqu attakk wara l-ieħor iżda l-Maltin bdew jiddefendu u joperaw bil-kontra attakk u fis-37 minuta Effiong, li kien qed jirritorna fit-tim, kellu ċans kbir meta ra x-xutt tiegħu mill-ġenb imur ftit barra. L-akbar ċans għall-Ukrajna fl-ewwel taqsima wasal ftit minuta qabel intemmet meta minn azzjoni ta’ free kick ballun spiċċa għand Seleznev li waħdu minn quddiem Hogg mattar siequ u tefa’ barra.

L-Ukrajna ħarġu jfittxu l-gowl tad-draw u fil-51 minuta kien Krystov li mpenja lil Bonello li daħal minflok Hogg. Erba’ minuti wara għal darba oħra kien Bonello li salva xutt ta’ Butko. Ftit wara din l-azzjoni daħal jilgħab minflok Bjorn Kristensen, Dale Camilleri biex b’hekk għamel id-debutt tiegħu ma’ pajjiżu. Lejn it-tmiem għamlu anke Johann Bezzina u Nyles Beerman.
L-avversarji Maltin komplew jattakkaw u Bonello, li kellu taqsima mill-aqwa, reġa’ salva fuq Malshev biex sa tmiem l-iskor baqa’ dak ta’ 1-0 favur il-Maltin.

Dan ir-riżultat itaffi xi ftit l-problemi tal-Maltin li kienu ġejjin minn sitt telfiet konsekuttivi li fihom skurjaw biss darbtejn u sofrew 15-il gowl.

L-aħħar logħba, li kienu tilfu l-Maltin qabel dik tal-bieraħ kienet dik kontra s-Slovakkja bi skor ta’ 3-1 fejn dakinhar kien skurja Jean Paul Farrugia. Dan tal-aħħar ma kienx disponibbli għall-Maltin fil-partita talbieraħ minħabba li kien tkeċċa fl-aħħar konfront.

Minbarra Farrugia l-Maltin ilbieraħ kellhom nieqsa anke lil Cain Attard, Paul Fenech u Gareth Sciberras.
Minn naħa tagħhom anke l-Ukrajna se jkunu impenjati f’logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 fil-jiem li ġejjin u din se tkun dik barra minn darhom kontra l-Finlandja fil-11 ta’ Ġunju.
Il-logħba talbieraħ kienet l-ewwel darba li Malta lagħbet kontra l-Ukrajna u t-tieni darba li Malta lagħbet fil-Merkur-Arena fi Graz.

L-ewwel darba li Malta kienet lagħbet f’dak il-grawnd kien fl-2008 meta dakinhar tilfet 5-1 f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Awstrija.
Ta’ min jiftakar li t-tim Ukren hu mmexxi mill-eksplejer leġġendarju ta’ Milan Andriy Shevchenko li kien ħa post Mykhailo Fomenko wara li ntemmet l-Euro 2016.