Elezzjoni 2017 Lokali

Therese Comodini Cachia se ċċedi s-siġġu fil-Parlament Malti

Therese Comodini Cachia ħabbret li se tkun qed iċċedi s-siġġu tagħha fil-Parlament Malti sabiex isaħħaħ il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa billi iżomm is-siġġu fil-Parlament Ewropew u b’hekk ukoll tibqa’ tkun vuċi soda għal Maltin u l-Għawdxin kollha.

Fi stqarrija hi qalet li tixtieq tirringrazzja lill-kostitwenti kollha tar-4 u t-8 distrett elettorali tal-fiduċja li wrew fiha. Qalet li kien unur u privileġġ li għenet lil-Partit Nazzjonalista f’kull mument diffiċli li kellu matul dawn l-aħħar snin, u li għenitu wkoll bil-kandidatura tagħha.

Qalet wkoll li s-sitwazzjoni hi waħda diffiċli u qed ikollha tagħżel fiċ-ċirkostanzi fejn tista’ sservi l-aktar u fejn tista’ tirrappreżenta l-vuċi tan-nies bl-aħjar mod fuq livell ewropew.

Therese Comodini Cachia sostniet li se tibqa’ viċin il-kostitwenti u se tibqa’ tagħmel ħilitha għal Malta u għal Partit Nazzjonalista.

Dan filwaqt li ħadet l-opportunità sabiex tirringrazzja lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, lil Simon Busuttil bħala Kap lil Mario de Marco u Beppe Fenech Adami bħala Viċi Kapijiet, kif ukol lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha tal-Partit għall-ħidma kontinwa tagħhom.