Għal Jean Pierre Debono u martu Kristy, il-leġiżlatura li jmiss mistennija tkun sfida fuq livell personali wara li l-elettorat fdahom it-tnejn li huma b’mandat fil-Parlament.
In-Nazzjon tkellem ma’ dik li hi l-ewwel koppja eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista minkejja li kellhom sfidi kbar. Kristy tiddeskrivi l-fiduċja tal-poplu, li b’4,022 vot eleġġiha mill-ewwel count fil-Parlament, bħala emozzjoni sabiħa ħafna u fuq kollox xi ħaġa li ma stennietx.
“Ma stennejtx tant rispost mill-poplu għaliex ikkompetejt fid-9 distrett li huma diffiċli ħafna bi 22 kandidat u kandidata validissimi. Li iktar minn erbat’elef persuna jagħtu l-ewwel preferenza lili, inqisu bħala unur, privileġġ u nilqgħu b’umiltà,” tgħid Kristy lil In-Nazzjon.
Kienet elezzjoni diffiċli wkoll għal Jean Pierre, li biex ġie elett mis-7 distrett kellu bżonn jistenna sal-25 count. “Miegħi kelli erba’ membri parlamentari, inkluż il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Dawn huma nies li diġa’ kisbu l-fiduċja tan-nies, li ilhom jaħdmu man-nies, kellhom leġiżlatura sħiħa jaħdmu, waqt li jien kelli biss tmien xhur ta’ ħidma qabel l-elezzjoni ġenerali.”
Għal din il-koppja, l-kampanja elettorali xejn ma kienet faċli għaliex ried jorganizzaw l-attivitajiet politiċi rispettivi tagħhom fuq distretti differenti u fl-istess ħin.
Jispjegaw kif kienu jiltaqgħu fis-sagħtejn ta’ filgħodu, fejn jieklu u jkollhom l-ewwel ċans li jitkellmu wiċċ imb’wiċċ waqt dak li għal ħafna hu ħin l-irqad, iżda għalihom kien sar ħin l-ikel.
Iżda fuq kollox, kellhom iħallu għal ħin twil lil binthom mal-ġenituri tagħhom, tifla li għad għandha biss sentejn u nofs.
Jean Pierre Debono jirrakkonta esperjenza fejn fuq il-mobile kellem lil bintu waqt li kien qed jagħmel iż-żjarat fid-djar tar-Rabat.
“Kien is-Sibt wara nofsinhar u kif kellimt lit-tifla, din qaltli: ‘Hello, bye, good night u see you tomorrow.’ Din it-tifla, ftit ikbar minn sentejn, kienet diġa’ taf li mhix se tarani qabel l-għada u tant kont emozzjonat li niftakarni nibki waħdi, fil-karozza,” jistqarr Jean Pierre ma’ dan il-ġurnal. Jiddeskrivi dawn il-mumenti bħalli kieku jinsab f’baħar imqalleb, waħdu, fejn in-nies li tant jixtieq madwaru ma jistgħux ikunu ħdejh.
Waqt li lesti biex jagħmlu sagrifiċċji personali għall-ġid tal-pajjiż u l-poplu Malti u Għawdxi, staqsejna lil Kristy x’parir tat li żewġha mill-esperjenza tagħha fil-Parlament.
Il-parir tiegħi lil Jean hu biex jibqa’ l-persuna li hu. Naf li bl-esperjenza li għandu ta’ ħidma fil-partit, żgur li se jaqdi dmiru sew u jkun viċin in-nies. Dan bażikament hu l-parir li dejjem ta lili matul il-ħidma tiegħi fil-Parlament fl-aħħar erba’ snin.
//= $special ?>