Lokali

Jibdew ‘it-transfers’

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Il-Malta Union of Midwives and Nurses ipprotestat mal-Management ta’ l-Isptar Mater Dei għal ħruġ ta’ tlett trasferimenti ta’ żewg nurses u midwife mill-isptar MDH għall-postijiet ta’ xogħol allokati fi sptarijiet oħra f’pajjiżna.

L-MUMN fi stqarrija qalet li ma tistax taċċetta din il-manuvra minn naħa tal-Management ta’ l-isptar MDH, ġurnata wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq dwar l-għaqda f’pajjiżna u li m’għandniex inħarsu lejn il-kuluri.

L-MUMN bagħtet ittra lill-Management ta’ l-isptar MDH fejn infurmatu li assolutament mhux qed taqbel ma’ dawn it-trasferimenti u li b’effett immedjat qed tagħti Direttiva Industrijali lil dawn it-tlett membri sabiex jinjoraw l-ordni tat-trasferiment u jkomplu jirrapurtaw għax-xogħol fl-istess post tax-xogħol li kellhom qabel ġew ttrasferiti.

L-MUMN ser tkun qeghda wkoll tiehu parir legali dwar dawn it-trasferimenti.

Din l-istqarrija tikkonferma wkoll numru ta’ rapporti li daħlu għand l-istazzjoni dwar trasferimenti oħra f’dipartimenti oħra tal-Gvern.
NET News jinsab infurmat li mal-ewwel siegħat ta’ rebħa tal-Partit Laburista bdew jintbagħtu l-ittri u emails biex jinfurmaw b’dan iċ-ċaqlieq. Fost oħrajn ingħataw transfers fi Transport Malta, fejn is-sorsi tagħna spjegaw li l-motivazzjoni wara dawn it-transfers kienu biss politiki.

Anke fil-Pulizija ingħataw transfers lil xi pulizija. L-istess jista’ jingħad għal dipartimenti oħrajn. Hekk kif wara r-riżultat elettorali ingħataw ordni biex jirrappurtaw għal sezzjoni ġdida l-għada tar-riżultat elettorali.