Lokali

Karozza tinqered minn nar f’parkeġġ ta’ supermarket f’Tas-Sliema

Fortunatament ħadd ma weġġa’ meta vettura nqerdet min-nirien f’parkeġġ privat ta’ supermarket li jinsab fi Triq il-Kbira, f’Tas-Sliema.

Kien għall-ħabta tas-14:30 u nofs li s-sidien tal-vettura tat-tip Peugeot 206 kienu qed jipparkjaw il-vettura meta nnutaw li kien ħiereġ id-duħħan.

Kien hawn li rnexxielhom joħorġu mill-vettura qabel din inqerdet min-nar. Fuq il-post issejħet l-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili li fortunatament ikkontrollaw is-sitwazzjoni qabel in-nar infirex.

Fuq il-post ukoll wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei, iżda fortunatament ma kienx hemm bżonn li xi ħadd jingħata assistenza medika.