Juventus, f’pajjiżna, hu kkunsidrat bħala l-iktar tim segwit flimkien ma’ Manchester United, u għaldaqstant ma kinitx sorpriża li ladarba ċ-Champions tal-Italja waslu sal-finali taċ-Champions League, għexieren ta’ Maltin u Għawdxin li ma laħqux biljett għal Cardiff għal din il-logħba, għażlu vjaġġ lejn Piazza San Carlo biex isegwu l-finali fuq big screen.
Iżda mat-tielet gowl li sofrew Juventus, ġara xi ħaġa li għad mhix stabbilita kif ġrat u li wasslet biex il-folla ppruvat taħrab f’daqqa mill-istess pjazza, bil-konsegwenza li ħafna spiċċaw jgħaffġu fuq xulxin u 1,500 sofrew xi ġrieħi.
Fost dawk fil-pjazza, kien hemm Nathaniel Sammut, żagħżugħ ta’ 17-il sena li nqabad fil-paniku, ipprova jistaħba sakemm ħalla l-grupp li kien miegħu u ħarab sal-lukanda fejn għal sigħat baqa’ mwerwer minn dak li seħħ.
“Filli qed naraw il-logħba, u f’daqqa waħda mat-tielet gowl rajna n-nies kollha ġejjin jiġru lejna. Niftakarni nitlaq niġri magħhom, kulħadd jgħaffeġ u jirfes fuq l-oħrajn, nara fejn se nistaħba għaliex ma kontx naf x’qed jiġri,” spjega Nathaniel.
Waqt li rrakkonta l-mumenti ta’ terrur fejn ħaseb li se jmut Nathaninel qal li “madwar bdejt nara n-nies mimlija demm, min b’xi xalla ma’ siequ, oħrajn b’saqajhom imċarrta. Fost il-paniku, rajt nies iħossuhom bħal imġienen, jgħajtu u jibku, waqt li oħrajn bdew iġorru nies mitlufa minn sensihom.”
S’issa kien għad mhux magħruf x’seħħ eżattament, għalkemm jingħad li kien żagħżugħ li malli nstema’ ħoss ta’ splużjoni, qabad jgħajjat li kien xi attakk u kien se jisplodi lil kulħadd. Minn dan kollu ma kien xejn, għaliex ġie stabbilit li ma seħħ l-ebda attakk terroristiku, u aktarx kienet biss bravata ta’ persuna li ried jagħmel ċajta li spiċċat b’mod traġiku.
Fid-dawl tal-attakki terroristiċi tal-aħħar jiem, Nathaniel spjega lil In-Nazzjon li ma kienx ċert jekk semax splużjoni, inkella bħal ħoss ta’ xi ajruplan. Qal li fi ftit sekondi, beda jimmaġina kollox: minn attakk bl-ajru għal karozza li kienet qed issuq fuq in-nies, sakemm ħarab waħdu lejn il-lukanda waqt li ħalla warajh lil sħabu tal-grupp.
“Kienet sitwazzjoni tal-biża’. F’dak il-mument ma tkunx taf lil min qed tirfes jew tweġġa’. Tibda taħseb biss fik innifsek. Ħsibtni se mmut,” stqarr Nathaniel, li ma’ In-Nazzjon qal li għadu jaħsibha jekk hux kapaċi jerġa’ jkun parti minn folla wara dak kollu li għadda minnu.
Nathaniel hu biss wieħed minn fost ħafna iżjed Maltin li sofrew xi ġrieħi, inkluż tifel. Uħud li sofrew tbenġil, għal ġrieħi iktar serji fosthom il-bżonn li jsirulhom il-punti.
//= $special ?>