Internazzjonali

Fir-Renju Unit illum qed issir l-elezzjoni ġenerali

Illum fir-Renju Unit qed issir l-elezzjoni ġenerali bikrija. Elezzjoni li ssejħet mill-Prim Ministru Theresa May biex ikollha mandat aktar b’saħtu fin-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, dak li tlaqqam il-Brexit.

Il-Prim Ministru u kap tal-Partit Konservattiv Theresa May u Jeremy Corbyn, il-kap tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, qatgħu l-ġurnata tal-Erbgħa jagħmlu l-aħħar sforz biex jirbħu l-voti qabel il-votazzjoni tal-lum wara kampanja ta’ 50 ġurnata.

Dan hekk kif l-istħarriġ tal-opinjoni –pubblika wera li Corbyn irnexxielu jnaqqas sew id-distakk li kien hemm favur il-Konservattivi. Dan minkejja li hemm ftit xettiċiżmu għal dan l-istħarriġ wara li dawn naqsu li jbassru l-kobor tar-rebħa Konservattiva fl-2015 kif ukoll ir-riżultat ta’ sena ilu fir-referendum dwar il-Brexit.

Biex wieħed ikollu bżonn maġġoranza fil-Parlament Ingliż hemm bżonn li partit jirbaħ 326 siġġu. L-indikazzjonijiet huma li l-Konservattivi se jirbħu bejn 265 u 300 siġġu filwaqt li l-Laburisti se jirbħu bejn 230 u 300 siġġu.

L-Erbgħa, May kompliet tinsisti li bil-Brexit kienu se jiżdiedu l-impjiegi fir-Renju Unit kif ukoll id-djar u jkun hemm titjib fis-sistemi ta’ trasport. Corbyn min-naħa tiegħu kellu t-tema dominanti tal-kura tas-saħħa li qal kienet se titfarrak jekk il-Konservattivi jkunu konfermati fil-poter.

Il-Liberal Demokratiċi qed jiffukaw l-attenżjoni tagħhom fuq dawk li kienu kontra l-Brexit filwaqt li l-UKIP qed isostni li l-unika ħaġa li jista’ jagħmel hu li jassigura li l-Brexit iseħħ kif suppost.

Fl-Iskozja, Nicola Sturgeon, il-mexxej tal-SNP, qed tinsisti fuq mandat b’saħtu minħabba t-talba tagħha għal referendum ieħor dwar l-indipendenza.

Tema oħra li dominat kienet kienet is-sigurta dan wara li fil-kampanja elettorali l-pajjiż sofra żewġ attakki terroristiċi kbar. Corbyn kritika lil May, li qabel ma laħqet Prim Ministru kienet is-Segretarju tal-Intern, għall-qtugħ li għamlet fil-korp tal-Pulizija filwaqt li May wegħdet li jekk il-liġijiet għad-drittjiet tal-bniedem fil-pajjiż qed ixeklu l-ġlieda kontra t-terroriżmu, dawn kienu se jinbidlu.

Lejliet il-vot, Corbyn kellu jbiddel is-shadow cabinet tiegħu wara li Diane Abbott ħabret li kienet se tirtira għal raġunijiet ta’ saħħa. Abbott kienet responsabbli għall-intern.