Il-Partit Laburista ppreżenta protesta formali mal-Kummissjoni Elettorali dwar żewġ siġġijiet li l-Kummissjoni Elettorali tat lill-Partit Nazzjonalista, bi proporzjon għad-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi fl-elezzjoni ġenerali ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali tfisser li Carm Mifsud Bonnici u Frederick Azzopardi jiġu eletti bħala Deputati tal-Oppożizzjoni.
Madankollu, permezz tad-Delegat tiegħu fil-Kummissjoni Elettorali Louis Gatt, il-Partit Laburista qed joġġezzjona din iż-żieda fis-siġġijiet minħabba li qed isostni li l-preżenza ta’ Marlene Farrugia se tkun qed tirrappreżenta t-tielet partit u għalhekk twaqqa’ r-regola fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali użata mill-Kummissjoni.
Fl-ittra tiegħu, Louis Gatt innota kif Marlene Farrugia ġiet eletta taħt il-lista tal-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant, is-siġġu tagħha jaqa’ taħt il-lista tal-Oppożizzjoni bħala parti mill-koalizzjoni miftehma qabel l-elezzjoni ġenerali.
Fl-edizzjoni tal-programm “Dissett”, imxandra lbieraħ fix-Xandir tal-Istat, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li ma jixtieqx li l-pajjiż jerġa’ jidħol f’sitwazzjonijiet legali jew oħrajn minħabba żidiet fis-siġġijiet. Hu qal dan b’referenza għall-Kawża Kostituzzjonali li l-Partit Nazzjonalista rebaħ wara tliet snin matul il-leġislatura li għaddiet.
Madankollu, issa kien id-Delegat tal-Partit Laburista nnifsu li qajjem din il-kwistjoni mal-awtoritajiet lokali, f’dan il-każ il-Kummissjoni Elettorali, biex joġġezzjona għal żieda fis-siġġijiet bi dritt għall-Partit Nazzjonalista.
Id-distakk fis-siġġijiet għandu jirrifletti d-distakk fil-voti – PN
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li bil-protest mal-Kummissjoni Elettorali, l-Partit Laburista diġà beda juri li ma jirrispettax il-verdett tal-poplu u l-ogħla liġi ta’ pajjiżna. Dan għaliex qed jiprova jargumenta kontra dak li tgħid ċar il-liġi elettorali dwar il-proporzjonalità fil-Parlament Malti.
Ir-riżultat tal-elezzjoni jagħti maġġoranza ta’ 7 siġġijiet lill-Gvern. Il-liġi elettorali hi ċara: tgħodd flimkien il-voti kollha tal-kandidati kollha li ħarġu taħt l-istess lista. F’din l-elezzjoni, l-Partit Nazzjonalista ġab 135,696 vot li kull wieħed minnu għandu jiġi rrapreżentat fil-Parlament. Imma l-Partit Laburista spiċċa jiprova jattakka r-riżultat iffirmat anke mill-Kummissjonarji Elettorali tiegħu stess.
Ir-riżultat tal-elezzjoni għandu jagħti żewġ siġġijiet bl-emenda Kostituzzjonali lill-Oppożizzjoni biex id-distakk fis-siġġijiet ikun jirrifletti d-distakk fil-voti, jiġifieri 7 siġġijiet.
//= $special ?>