Elezzjoni 2017 Lokali

Kabinett: Muscat iħalli barra lil Anton Refalo, Konrad Mizzi biex jipprivatizza l-Air Malta u Keith Schembri jibqa’ Chief of Staff

Ftit tal-ħin ilu l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar il-Kabinett ġdid tiegħu wara r-rebħa elettorali ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda.

Fil-ħatriet tal-Prim Ministru spikkat il-ħatra mill-ġdid ta’ Keith Schembri bħala Chief of Staff, waqt li Konrad Mizzi nħatar bħala Ministru għat-Turiżmu kif ukoll responsabbli mill-privatizzazzjoni tal-Air Malta. Minn naha l-oħra, spikkat id-deċiżjoni li l-Prim Ministru jħalli barra mill-kabinett lill-eks-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, u ħatar minflok lil Justyne Caruana bħala Ministru għal Għawdex.

Il-Prim Ministru se jżomm ukoll lil Joe Mizzi bħala Ministru, din id-darba Ministru għall-Enerġija u l-Ilma.

Chris Cardona baqa’ Ministru għall-Ekonomija u l-Intrapriżi Żgħar, baqa’ wkoll Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, li se jkun assistit minn Clifton Grima bħala Segretarju Parlamentari. Edward Scicluna se jibqa’ wkoll Ministru tal-Finanzi.

Michael Farrugia issa se jkun Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Owen Bonnici se jibqa’ Ministru tal-Ġustizzja u l-Kultura. Hu se jkun assistit minn Silvio Parnis bħala Segretarju Parlamentari għall-Kunsill Lokali, u Deo Debattista bħala Segretarju Parlamentari għall-V18.

Josè Herrera se jibqa’ Ministru għall-Ambjent assistit mis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.

Il-Ministru tas-Saħħa se jibqa’ Chris Fearn, u Carmelo Abela issa hu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ.

Ian Borg hu l-Ministru responsabbli mit-Trasport u Proġetti, u responsabbli wkoll mill-Ippjanar u l-Artijiet. Hu se jkun assistit mis-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Il-Prim Ministru ħabbar li hu se jkun responsabbli mis-servizzi finanzjarji u l-ekonomija diġitali, miegħu se jkollu s-Segretarji Parlamentari Silvio Schembri u lis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia, responsabbli mir-riformi u miċ-ċittadinanza.

Helena Dalli nħatret bħala Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza. Fl-uffiċċju tagħha se jkun hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia responsabbli mill-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali.

Byron Camilleri nħatar Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista waqt li Robert Abela nħatar bħala konsulent legali tal-Prim Ministru.

Keith Schembri u Konrad Mizzi jibqgħu jmexxu – PN

L-għażla ta’ Konrad Mizzi bħala Ministru u Keith Schembri bħala Chief of Staff hi konferma ta’ kemm Muscat ma tgħallem xejn mill-elezzjoni ġenerali, u għażel li jkompli jmexxi ‘l quddiem politika diviżiva flok waħda ta’ għaqda. Din l-għażla tikkonferma wkoll li Keith Schembri u Konrad Mizzi għadhom jikkontrollaw kollox, inkluż lil Muscat.

Fl-għażla tal-Kabinett, Muscat kellu l-opportunità li jwassal messaġġ ta’ bidu ġdid fl-istil ta’ politika tiegħu, iżda minflok għażel li jwebbes rasu u falla fl-ewwel test tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li minkejja l-kritika fuq in-nefqa esaġerata tal-Kabinett fil-leġiżlatura li għaddiet, Muscat kompla jwebbes rasu u saħansitra, din id-darba żied in-numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari. Dan ifisser nefqa akbar mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Kompożizzjoni tal-Kabinett 2017

Prim Ministru

JOSEPH MUSCAT

Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni

SILVIO SCHEMBRI

Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni

JULIA FARRUGIA

Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar

CHRIS CARDONA

Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol

EVARIST BARTOLO

Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji

CLIFTON GRIMA

Ministru għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma

JOE MIZZI

Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza

HELENA DALLI

Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali

AARON FARRUGIA

Ministru għall-Finanzi

EDWARD SCICLUNA

Ministru għat-Turiżmu

KONRAD MIZZI

Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali

MICHAEL FARRUGIA

Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

OWEN BONNICI

Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet

SILVIO PARNIS

Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta18

DEO DEBATTISTA

Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima

JOSÉ HERRERA

Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali

CLINT CAMILLERI

Ministru għas-Saħħa

CHRIS FEARNE

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ

CARMELO ABELA

Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali

IAN BORG

Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Suq tal-Propjetà

CHRIS AGIUS

Ministru għal Għawdex

JUSTYNE CARUANA

Ministru għal Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali

MICHAEL FALZON

Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali

RODERICK GALDES

Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva

TONY AGIUS DECELIS