Lokali Qorti

Kumpens ta’ €776,000 lil qraba ta’ ħaddiem li miet fil-port

Qraba ta’ ħaddiem tal-port li miet wara inċident fuq il-post tax-xogħol ingħataw kumpens ta’ €776,000.

Christine, Luana u Eman Abela, qraba tal-vittma George Abela, bdew proċeduri għal danni kontra l-Valletta Gateway Terminals Ltd (VGT) u s-sidien tal-vapur Jolly Blu. Dan wara li Abela kien milqut minn container waqt li kien qed jaħdem għalll-VGT abbord il-vapur li kien marbut f’Xatt il-Laboratorju l-Marsa fi Frar 2008.

Il-vittma kien dam xahar jiġġeled għal ħajtu bil-familjari jsostnu li l-mewt tiegħu kienet kaġunata min-negliġenza min-naħa tal-operaturi, li naqsu milli jipprovdu s-sigurtà meħtieġa. Kemm il-VGT kif ukoll is-sidien tal-vapur ikkontestaw it-talbiet tal-familjari. Abela kien iħoll il-containers minn fuq il-vapur għal fuq il-moll.

Jirriżulta li l-ebda ħaddiem ma kien provdut b’maskli li jipproteġu mid-dħaħen tad-diesel u ma kellhomx ilbies li jidhru jew elmi ta’ sigurtà. F’dan il-każ minħabba li l-forklifter kien kbir ma kinx hemm passaġġi minn fejn il-ħaddiema jgħaddu u għalhekk huma kellhom jimxu wara l-container. Abela kien mgħaffeġ mill-container li intlaqat mill-forklifter u waqa’ fuqu.

L-Imħallef Silvio Meli qal li ma kinx hemm uffiċjal tas-sigurtà kwalifikat fuq il-post u li d-dħaħen li ħarġu mill-forklifter naqqsu l-viżibiltà tal-ħaddiema u l-operatur tal-forklifter ma kellux assistent biex jiggwidah fid-dħaħen.

Il-Qorti qalet li min iħaddem hu obbligat li jipprovdi lill-ħaddiema b’sistemi ta’ sigurtà fix-xogħol u jrid jikkunsidra li l-ħaddiema jsiru traskurati fix-xogħol ta’ rutina.

F’dan il-każ, il-Qorti stabbilit li kemm il-VGT kif ukoll is-sidien tal-vapur huma ħatja ta’ traskuraġni kbira għaliex ħolqu perikli f’xogħol li kien diġà perikoluż billi ma pprovdewx il-miżuri neċesssarji ta’ sigurtà.

Għalhekk il-Qorti ordnat li l-VGT u s-sidien tal-vapuri jħallsu total ta’ €776,729 f’danni. L-Avukat Robert Abela deher għall-familjari.

.