Elezzjoni 2017 Lokali

Kundanna mill-IĠM, mill-PM u mill-GWU għal Editorjal tal-ġurnal tal-GWU kontra l-ġurnalisti indipendenti

Iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) Karl Wright ikkundanna b’mod qawwi l-Editorjal tal-bieraħ tal-ġurnal tal-GWU, li attakka personalment diversi ġurnalisti tal-media indipendenti li wettqu xogħol ġurnalistiku li ma daqqx għal widnejn l-Editur tal-ġurnal.

L-Editorjal attakka wkoll lill-Arċisqof Mons Charles Scicluna għall-pożizzjoni tiegħu kontra l-korruzzjoni. L-Editorjal, intitolat “Il-Bidu tat-Tmiem” attakka numru ta’ ġurnalisti tal-media indipendenti, li sejħilhom media falza u ġurnalisti devjati, filwaqt li appellalhom biex jgħibu mill-professjoni tagħhom.

Mitlub biex jagħti r-reazzjoni tiegħu dwar dan l-Editorjal, iċ-Chairman tal-IĠM Karl Wright qal li qatt m’hu aċċettabbli li ninsulentaw lil xulxin b’dak il-mod, anke jekk wieħed għandu l-libertà tal-espressjoni biex jesprimi opinjoni differenti minn ta’ ħaddieħor.

Wright fakkar li din ma kinitx l-ewwel darba li l-IĠM wassal messaġġ lid-diriġenza tal-ġurnal u tal-‘media house’ tal-GWU, li din ma kinitx it-triq ‘il quddiem għall-kolleġġjalità ta’ dawk li jaħdmu għall-istess għan li jinfurmaw lill-pubbliku.

Min-naħa tiegħu, fi tweġiba għal mistoqsija ta’ NET News, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu ma jaqbilx ma’ dan it-tip ta’ lingwaġġ.

U anke l-GWU stess, li hi s-sid tal-ġurnal, fi stqarija ddiżassoċjat ruħha mill-Editorjali tal-ġurnal tal-Union tal-bieraħ u tal-lum (tal-lum bit-titlu “B’Rispett lill-Verdett”), li fihom saru kummenti mhux xierqa fil-konfront ta’ ġurnalisti ta’ media oħra. Il-GWU qalet li dejjem saħqet dwar l-għaqda u hi kontra dak kollu li jġib firda.