Il-Gvern Iranjan ikkundanna bħala ‘ripunjanti’ l-istqarrija mill-Istati Uniti rigward l-attakk terroristiku ta’ nhar l-Erbgħa f’Tehran u li sostniet li ‘l-Iran huwa sponsor tat-terroriżmu’.
Il-President Amerikan, Donald Trump, qal li filwaqt li kien qed jitlob għall-vittmi tal-attakk ried jagħmilha ċara li ‘pajjiżi li jisponsorjaw it-terroriżmu qed jissugraw li jisfaw vittmi tal-ħażen li qegħdin ikattru’.
Intant, dan il-kliem qanqal reazzjoni furjuża mill-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, li sostna li l-Iran ‘ma jaċċettawx dawn il-forom ta’ ħbiberija’. Fl-istess ħin, Zarif insista li ‘l-aggressuri tal-ISIS fil-kapitali Iranjana kienu appoġġjati minn klijenti tal-Amerikani’.
Fl-attakk tal-Erbgħa, numru ta’ nies armati u aggressuri suwiċida kkonċentraw fuq il-Parlament u l-mausoleum tal-Ayatollah Khomeini (il-fundatur tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran) f’Tehran, fejn mietu talanqas 13 waqt assalt bla preċedent li dam għal sigħat.
L-aggressuri , li inqatlu kollha, issemmew bħala ‘Iranjani li kienu ssieħbu mal-ISIS’, b’dan il-grupp terroristiku qed jhedded aktar attakki fuq l-Iranjani Xiti Musulmani.
Fl-istess ħin, il-Ministru Zarif , permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, deher li kien qed jakkuża lir-rivali tar-reġjun, dwar l-attakk. Fil-messaġġ, hu irrefera għal ‘fanatiċi li jisponsorjaw it-terrur li jridu jixprunaw id-dmija fit-territorji tal-Iran’.
L-Iran u l-Arabja Sawdija, immexxija mis-Suniti Għarab u li hi alleata ewlenija tal-Istati Uniti, qegħdin jopponu naħat opposti li huma involuti f’konflitti madwar ir-reġjun.
Sadanittant, il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran diġà akkużat lill-Arabja Sawdija u l-Istati Uniti bħala ‘l-muturi wara l-attakki f’Tehran’ u minkejja li dawn iż-żewġ pajjiżi kkundannaw il-vjolenza.
Dan meta l-President Trump, ix-xahar li għadda, żar lill-Arabja Sawdija fejn, waqt diskors, akkuża lill-Iran talli ‘kontribwixxa għal nuqqas ta’ stabbilità fir-reġjun’.
Issa, il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, qed jipprova jimminimizza s-sinifikat tal-attakk fil-qalba ta’ Tehran fost l-insistenza li ‘it-terroristi mgħandhomx jaffettwaw ir-rieda tal-Iranjani’.
//= $special ?>