In-Nazzjonijiet Uniti rċeviet rapporti li, fl-aħħar ġimagħtejn, inqatlu ’l fuq minn 230 ċivili taħt idejn it-terroristi tal-ISIS u meta l-istess ċivili kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-inħawi ta’ Mosul.
Jaħsbu li 200 fost il-vittmi nqatlu mit-terroristi waqt il-ġlied, ftit tal-jiem ilu, bejn l-ISIS u l-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin fid-distrett ta’ Shifa. In-Nazzjonijiet Uniti qalet, intant, li innutat ‘eskalazzjoni sinjifikanti’ fil-qtil taċ-ċivili f’Mosul u l-madwar.
Sadanittant, daħlu wkoll rapporti li nqatlu bejn il-50 u t-80 ċivili oħra waqt attakk mill-ajru fuq iz-zona ta’ Zanjili, li kien seħħ fil-31 ta’ Mejju.
Il-qawwiet Iraqqin ilhom minn Ottubru għaddejjin b’offensiva determinata biex jieħdu lura l-kontroll ta’ Mosul minn idejn l-ISIS. L-offensiva qed issir ukoll bl-għajnuna ta’ koalizzjoni militari taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti.
Fil-preżent fadal anqas minn 1,000 militant tal-ISIS f’numru ta’ kwartieri tal-Belt l-Antika ta’ Mosul u qalb diversi distretti fil-periferija. Filwaqt li t-terroristi jinsabu taħt assedju kontinwu, hu minnu li hemm ukoll madwar 100,000 ċivili residenti fiz-zoni ta’ Mosul li huma kkontrollati mill-ISIS.
Sorsi tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li hemm dokumentati diversi każi fejn l-ISIS f’Mosul użaw iċ-ċivili bħala tarka umana. Dan meta t-terroristi ilhom qed joqtlu ċivili li ppruvaw jaħarbu mill-inħawi mindu l-qawwiet Iraqqin bdew l-offensiva fuq din il-belt ewlenija.
Il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet Umani, Zeid Ra’ad al-Hussein qal li ma jistax isib biżżejjed kliem biex jikkundanna l-fatt ‘li l-ISIS (f’Mosul) qed jisparaw fuq it-tfal li, flimkien ma’ familthom, qegħdin jippruvaw jaħarbu lejn l-inħawi anqas perikolużi’.
//= $special ?>