Lokali

AĠĠORNATA: Manager tal-PBS jagħmel “kollegament” partiġġjan dwar “tkaxkira nobis”

In-nuqqas ta’ imparzjalità mix-xandir nazzjonali, il-PBS kompla joħroġ fid-deher anke wara li għaddiet l-elezzjoni ġenerali.

Fl-aħħar sigħat fuq il-media soċjali beda jdur filmat b’kummenti mill-aktar partiġġjani tal-Kap tal-Aħbarijiet tal-Isport tal-PBS, Peter Cossai minn San Marino fejn suppost kien qed jirrapporta dwar il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar.

F’messaġġ ieħor, hawn taħt, Peter Cossai ħeġġeġ in-nies jivvutaw Labour.

Il-ħaddiema kollha tal-PBS, speċjalment il-ġurnalisti huma mistennija joqgħodu ‘l bogħod mill-kontroversja politika u kif jindika l-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tax-xandir nazzjonali, kull ħaddiem għandu jżomm imparzjalità fid-dmirijiet tiegħu għax hu importanti li għemilu ma jaqax taħt suspett.

Din mhux l-ewwel darba li Peter Cossai spiċċa f’kontroversja minħabba għemilu.

Reazzjoni tal-PBS

Il-PBS, fi stqarrija qalet li t-tmexxija rat il-filmati u bdiet passi interni ta’ dixxiplina. Madankollu ma speċifikatx x’passi se jittieħdu fil-konfront ta’ Peter Cossai.

Il-PBS fl-istqarrija iddisassoċjat ruħa kompletament mill-kontenut ta’ dan il-filmat.