Internazzjonali

Myanmar: Jirkupraw il-katavri tal-vittmi wara traġedja tal-ajru

 

Kelliema għall-Armata tal-Myanmar qalu li nstabu numru ta’ katavri fil-Baħar ta’ Andaman, ftit wara li għeb ajruplan militari li kien qed iġorr 122 persuna.

Stqarrija mill-militar qalet ukoll li kienu elevati mill-baħar diversi biċċiet tal-ajruplan – tat-tip Y-8 – li kellu fuqu membri tal-Armata u qrabathom, fosthom diversi tfal.

L-ajruplan kien qed itir minn Myeik lejn Yangon, u l-fdalijiet tiegħu nstabu fil-baħar, lil hinn mill-belt ta’ Dawei, maġenb il-kosta.

Il-komunikazzjoni mal-ajruplan intilfet, nhar l-Erbgħa, ftit wara li bdiet dik li kellha tkun titjira ta’ rutina.

Skont il-militar, l-iskwadri li ħarġu fuq il-baħar biex ifittxu għall-vittmi irkupraw (sal-bieraħ) tal-anqas 30 katavru, li tmienja minnhom kienu tat-tfal. Intant, l-oġġetti tal-ajruplan irkuprati mill-baħar kienu jinkludu rota, xi bagalji u numru ta’ ġgieget tas-salvataġġ.

F’każ li mietu n-nies kollha ta’ fuq l-ajruplan, iċ-ċifra tal-vittmi għandha taċċerta li din it-traġedja tibqa’ imniżżla fost l-agħar diżastri tal-avvjazzjoni fl-istorja tal-Myanmar.

Ir-raġuni għat-tiġrifa kienet għadha mhix ċara u meta ma daħlu l-ebda rapporti dwar xi ‘kuntatti ta’ emerġenza’ minn qabel. L-awtoritajiet mhumiex jeskludu li l-ajruplan seta’ ‘sploda fl-ajru’, meta ma jidhirx li seta’ qam xi maltemp fiz-zona tat-titjira.