Lokali Qorti

Verżjonijiet differenti mill-operatur responsabbli mill-magna fil-każ ta’ Construct Furniture

Spettur tal-Pulizija li nvestiga l-mewt ta’ ħaddiem żagħżugħ fil-fabbrika Construct Furniture xehed li l-operatur responsabbli mill-magna li fiha miet iż-żagħżugħ ta verżjonijiet differenti dwar dak li attwalment seħħ.

Is-sid u l-amministraturi tal-kumpanija Construct Furnture bdew għaddejjin kumpilazzjoni jiffaċċjaw akkużi dwar il-mewt taż-żagħżugħ Matthew Bartolo ta’ 17-il sena minn Ħal Kirkop sentejn ilu kaġun ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol.

L-akkużati huma John Agius ta’ 53 sena direttur ta’ Construct Furniture, bintu Amanda Cefai ta’ 31 sena l-amministratur tal-fabbrika u żewġha James Cefai ta’ 38 sena foreman fil-fabbrika. Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Micallef Stafrace. Il-każ seħħ fl-4 ta’ Ġunju 2015 meta l-vittma kien qed iħaddem magna li tintuża fix-xogħol tal-bibien f’Ħal Farruġ.

Fil-bidu tas-seduta l-avukat difensur Edward Gatt oġġezzjona li jinstemgħu x-xhieda mressqa mill-prosekuzzjoni għaliex d-difiża ma kinx għad kellha r-rapport tal-inkjesta. Il-Qorti ddikjarat li kienet se tisma’ x-xhida tal-ispettur tal-Pulizija li nvestiga l-każ u aġġornat ix-xhieda l-oħra għal seduta oħra.

L-Ispettur tal-Pulizija Joe Mercieca qal li fl-investigazzjonijiet hu tkellem ma’ Peter Blundell, li suppost kellu jkun responasbbli mill-kontrolli tal-magna fil-ħin tal-inċident. Hu xehed li kien hemm diskrepanzi kbar fil-verżjonijiet li Blundell ta quddiem il-Maġistrat Inwkerenti u mal-Pulizija.

L-Ispettur Mercieca xehed li l-evidenza ma twassalx biex jittieħdu passi kontra Blundell għaliex mhux ċar jekk hu kinx responsabbli mill-magna li kkaġunat il-fatalità. L-avukati Edwar Gatt, Pio Valletta, Veronique Dalli u John Refalo ddefendew lill-akkużati waqt l-Avukat Jason Azzopardi qed jidher għall-familja tal-vittma.