Il-plejer tat-tim tal-futbol ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo baqa’ jokkupa l-ewwel post fil-klassifika tal-aktar atleti mħallsa fid-dinja. Dan hekk kif minn Ġunju tal-2016 u l-1 ta’ Ġunju tal-2017 hu daħħal 93 miljun dollaru.
Din l-istatistika ppublikata minn Forbes turi li wara Ronaldo hemm il-plejer tal-basketball LeBron James li għamel dħul ta’ 86.2 miljun dollaru filwaqt li t-tielet l-aktar atleta mħallas hu r-rivali ta’ Ronaldo, l-plejer ta’ Barcelona Lionel Messi li daħħal 80 miljun dollaru matul dawn l-aħħar 12-il xahar.
F’din il-lista tal-aktar 100 atleta mħallsa hemm atleti ġejjin minn 11-il sport. L-aktar sport li ddomina kien dak tal-basketball. Mill-kampjonat tal-NBA fl-Istati Uniti hemm total ta’ 32 atleta li qegħdin f’din il-lista filwaqt li l-isport tal-baseball hu rappreżentat bi 22 atleta (anke jekk l-ebda minnhom ma jinsab mal-aktar 25 maħħlsa).
Plejers tal-futbol hemm disgħa, l-istess ammont ta’ tennisti filwaqt li l-golf hu rappreżentat minn ħames atleti u l-boxing bi tlieta. L-isprinter u champion Olimpiku Usain Bolt daħħal 34 miljun dollaru fl-2016. Fis-sajf ta’ sena ilu Bolt reġa’ spikka bir-rebħ ta’ tliet midalji tad-deheb waqt l-Olimpjadi ta’ Rio u din is-sena mistenni jirtira mill-isport wara li jieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali li se jsiru f’Awwissu li ġej f’Londra.
Ronaldo gawda suċċess kbir f’din l-aħħar sena hekk kif F’Lulju tal-2016 għen lill-Portugall jirbħu l-Kampjonat Ewropew u kiseb suċċess kbir anke mal-klabb tiegħu Real Madrid. Hu għen lill-Merengues jirbħu l-kampjonat u ċ-Champions League.
Nhar is-Sibt li għadda hu skurja doppjetta fil-finali taċ-Champions League biex għen lil Real jirbħu t-tazza għat-tieni darba nfila meta dawn għelbu liċ-champions Taljani Juventus bi skor ta’ 4-1. Ronaldo temm bħala l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni u fl-istess waqt laħaq iċ-ċifra impressjonanti ta’ 600 gowl fil-karriera tiegħu.
Ta’ min jinnota li Ronaldo qed itemm id-dominju tal-golfer Tiger Woods u tal-boxer Floyd Mayweather li għal dawn l-aħħar 15-il sena kienu huma l-aktar atleti mħallsa. Din is-sena Woods, li dan l-aħħar kien anke ġie arrestat minħabba li saq taħt l-effett tal-alkoħol, jinsab fis-17-il pożizzjoni tal-klassifika filwaqt li Mayweather m’huwiex inkluż fil-lista minħabba li fl-aħħar sena ma kellu l-ebda ġlieda.
Ir-raba’ l-aktar atleta mħallas hu t-tennista Roger Federer li f’Jannar li għadda rebaħ it-18-il Grand Slam tiegħu meta rebaħ it-titlu tal-Open ta’ Franza. Sa minn Ġunju li għadda sa dan ix-xahar Federer kiseb 62 miljun dollaru b’58 minnhom ikunu mingħand sponsors.
Tennista ieħor li qiegħed fis-16-il post ta’ din il-klassifika hu s-Serb Novak Djokovic bi dħul ta’ 37 miljun dollaru. Sa minn Ġunju tal-2016 Djokovic, anke jekk beda bir-rebħ tal-Open ta’ Franza, ma tantx kellu wirjiet daqstant tajbin tant li ċeda anke l-ewwel post fir-rankings mondjali u jiem ilu safa eliminat mill-Open ta’ Franza tal-2017.
Fl-10 post ta’ din il-klassifika wieħed isib lis-sewwieq tal-Formula 1 Lewis Hamilton. Fl-istaġun li għadda Hamilton, sewwieq tal-Mercedes tilef il-battalja mar-rivali Nico Rosberg għar-rebħ tat-titlu. Rosberg irtira mill-isport ftit jiem wara li sar champion dinji.
Sewwieq ieħor tal-Formula 1 li qiegħed fl-14-il post ta’ din il-lista hu dak tal-Ferrari Sebastian Vettel. Il-Ġermaniż daħħal is-somma ta’ 38.5 miljun dollaru.
Ta’ min jinnota li f’din il-lista hemm biss mara waħda u din hi t-tennista Serena Williams. Hi kellha sena mill-aqwa hekk kif bir-rebħ tal-Open tal-Awstralja f’Jannar li għadda laħqet iċ-ċifra impressjonanti ta’ 23 Grand Slam.
Williams, li daħlet 27 miljun dollaru bħalissa mhux qed tilgħab minħabba li qed tistenna tarbija.
//= $special ?>