Lokali

Il-Kabinett tal-Gvern ta’ Muscat jieħu l-ġurament tal-ħatra

Wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħamis ħabbar ir-responsabbiltajiet li se jkollhom il-membri parlamentari għal-leġiżlatura li jmiss, il-Ġimgħa l-Ministri u Segretarji Parlamentari ġodda ħadu l-ġurament tal-ħatra.

Il-kabinett il-ġdid, it-tlettax-il wieħed sa mill-Indipendenza ‘l hawn, jinkludi fih 15-il ministru, li jfisser tnejn inqas mill-ammont li kien hemm fil-leġiżlatura ta’ bejn l-2013 u l-2017, ukoll taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-kabinett jinkludi wkoll għaxar segretarji parlamentari.

L-iżgħar membru se jkun Clint Camilleri, li fl-eta’ ta’ 29 sena se jservi bħala Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, waqt li l-ikbar membru tal-kabinett se jkun il-Ministru tal-Ekonomija, Edward Scicluna, li għandu 70 sena u żamm ir-responsabbiltà li kellu fl-aħħar leġiżlatura.

Il-membri ġodda ta’ dan il-Kabinett se jkunu Julia Farrugia, Aaron Farrugia u Clint Camilleri, waqt li ħamsa oħra, jiġifieri Silvio Schembri, Clifton Grima, Silvio Parnis, Deo Debattista u Anthony Agius Decelis li qabel kienu deputati iżda qatt ma kellhom responsabbiltà ministerjali jew f’xi segretarjat.

Tispikka wkoll il-ħatra tal-Ministru Konrad Mizzi li hu responsabbli mit-Turizmu u l-Air Malta. Konrad Mizzi hu l-ministru li fil-leġiżlatura li għaddiet kien involut fl-iskandlu tal-Panama Papers. Bħalu nvolut f’dan l-iskandlu hemm Keith Schembri li kien kkonfermat Chief of Staff tal-uffiċju tal-Prim Ministru.

Għall-kuntrarju oħrajn, fosthom Anton Refalo, tilfu r-responsabbiltajiet li kellhom fl-aħħar leġiżlatura. Dik tal-Ministeru ta’ Għawdex, b’Justyne Caruana tieħu t-tmexxija, kienet fost l-ikbar sorpriżi anke għaliex Refalo akkwista l-ikbar ammont ta’ voti mit-tlettax-il distrett.