Is-Sibt fis-6pm it-tim nazzjonali Malti jilgħab is-sitt partiti tiegħu minn Grupp F tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 meta jaffronta lis-Slovenja. Bla dubju l-Maltin, li se jkunu qed jilagħbu barra minn darhom fil-belt ta’ Ljubljana, jittamaw li jkomplu minn fejn ħallew wara li erbat ijiem ilu rebħu 1-0 f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Ukrajna.
Ħadd ma stenna li t-tim immexxi minn Ghedin kien se jirbaħ kontra tim daqstant b’saħħtu li sa sena ilu kien qiegħed saħanistra jikkompeti fil-fażi finali tal-Euro 2016.
Madankollu r-rebħa tal-Maltin kienet waħda ferm meritata fejn mhux biss iddefendew tajjeb wara l-gowl imma anke ħolqu ċ-ċansijiet tagħhom u dan irid ikun l-atteġjament tal-Maltin jekk beħsiebhom jieħdu l-ewwel punti f’dan il-grupp rispettiv tagħhom.
Attwalment Malta tinsab fl-aħħar post fil-grupp filwaqt li s-Slovenja qegħdin fit-tielet post b’ħames punti inqas mill-liders Ingliżi u wieħed inqas mis-Slovakkja. F’Novembru li għadda Malta kienet tilef f’Ta’ Qali bi skor ta’ 1-0 kontra l-istess Slovenja li kienu skurjaw il-gowl deċiżiv permezz ta’ Verbic Benjamin.
Ir-rebħa tat-Tlieta li għadda ttaffi xi ftit l-problemi tal-Maltin li kienu ġejjin minn sitt telfiet konsekuttivi li fihom skurjaw biss darbtejn u sofrew 15-il gowl. L-aħħar logħba, li kienu tilfu l-Maltin qabel dik tat-Tlieta kienet dik kontra s-Slovakkja bi skor ta’ 3-1 fejn dakinhar kien skurja Jean Paul Farrugia.
Is-Sibt jista’ jagħmel id-debutt tiegħu f’kompetizzjoni internazzjonali wieħed minn Dale Camilleri, Johann Bezzina u Myles Beerman wara li dawn kollha libsu l-flokk tat-tim tal-kbar għall-ewwel darba nhar it-Tlieta li għadda hekk kif daħlu kollha bħala sostituti fit-tieni taqsima kontra l-Ukrajna.
F’dawk li huma rankings mondjali tal-FIFA, s-Slovenja qegħdin fis-56 pożizzjoni.
Wara l-konfront tas-Sibt, il-Maltin ikun imisshom jerġgħu jilagħbu f’dan il-grupp fl-1 ta’ Settembru meta dakinhar f’Ta’ Qali jospitaw lill-Ingilterra.
//= $special ?>