Futbol Sport

L-Arġentina tegħleb lill-Brażil

Id-debutt ta’ Jorge Sampaoli bħala kowċ nazzjonali tal-Arġentina kien wieħed pożittiv hekk kif dawn għelbu lill-Brażil bi skor ta’ 1-0 f’partita ta’ ħbiberija ta’ lussu fil-belt ta’ Melbourne fl-Awstralja.
Filwaqt li din kienet l-ewwel logħba u rebħa ta’ Sampaoli mal-Arġentina, din kienet l-ewwel telfa li sofra Tite bħala kowċ tal-Brażil.

Il-gowl deċiżiv wasal minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Gabriel MERCADO skurja minn rebound wara li Otamedi laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras. Fit-tieni taqsima l-Brażil kienu sfortunati meta Jeses laqat il-lasta imma dan kien biss mument rari fejn il-Brażil ħolqu periklu fuq il-lasti avversarji.

Issa l-Brażil jerġa’ jmisshom jilagħbu logħba oħra ta’ ħbiberija kontra l-Awstralja nhar it-Tlieta li ġej filwaqt li l-Arġentina tilgħab kontra Singapore qabel ma jilagħbu logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 kontra l-Urugwaj.

L-Arġentina tinsab f’riskju li ma tikkwalifikax għall-fażi finali filwaqt li l-Brażil diġà aċċertaw minn post fl-edizzjoni li se ssir fir-Russja.