Manchester United ħabbru li mhux se jġeddu l-kuntratt tal-attakkant Zlatan Ibrahimovic. Il-plejer Żvediż ta’ 35 sena kien ingħaqad magħħhom qabel l-istaġun li għadda meta dakinhar iffirma kuntratt ta’ sena wara li kien skadielu l-kuntratt ma’ PSG. Fil-kuntratt kien hemm klawsola li la darba tgħaddi sena r-Red Devils kellhom għażla li jġedduh b’sena iżda dan ma seħħx.
Ma’ Man Utd Ibrahimovic kellu staġun mill-aqwa hekk kif f’46 logħba skurja 28 gowl biex għen lit-tim jirbaħ tliet trofej, iċ-Charity Shield, il-League Cup u l-Europa League. Madankollu hu weġġa’ serjament lejn tmiem l-istaġun u kellu jkun operat f’irkopptu u mistenni jdum barra mill-azzjoni sal-aħħar tal-2017.
Ħafna jemmnu li kienet din ir-raġuni għaliex Man Utd għażlu li ma jġeddux il-kuntratt ta’ dan il-plejer li issa jinsab bla klabb. Rapporti fil-midja Ingliża qed jgħidu li Man Utd huma ferm viċin li jakkwistaw lill-attakkant ta’ Real Madrid Alvaro Morata biex jieħu post Ibrahimovic.
L-aġent ta’ Ibrahimovic, Raiola minn dejjem stqarr li l-plejer xtaq jibqa’ ma’ Man Utd imma d-diriġenti m’humiex konvinti jekk dan il-plejer hux se jerġa’ jkun fl-aqwa kundizzjoni fiżika.
//= $special ?>