Fi ftit xhur oħra ċ-champion Olimpiku, l-isprinter Usain Bolt se jkun qed itellaq għall-aħħar darba fil-karriera tiegħu u f’intervista riċenti li ta qal li l-aktar ħaġa li se jħoss in-nuqqas tagħħha hi l-partitarji li tant ituh sodisfazzjon.
Bolt kellu karriera mill-aqwa fejn rebaħ disa’ midalji tad-deheb waqt l-Olimpjadi u 11-il darba t-titlu mondjali u issa hu mistenni jirtira wara li f’Awwissu li ġej jikkompeti fil-Kampjonati Mondjali li se jsiru f’Londra. Ta’ min jinnota li sena ilu Bolt tneħħieltu midalja tad-deheb li kien rebaħ fir-relay waqt l-Olimpjadi ta’ Beijing wara li sieħbu Nesta Carter kien instab pożittiv għad-doping.
Hu mhix biss rebaħ diversi unuri imma anke għandu f’idu r-rekord dinji fil-100m u fil-200m, rekord li kien waqqaf fl-2009.
Bolt hu l-ewwel atleta fl-istorja li qatt rebaħ il-finali tal-100m, tal-200m u tal-4x100m għal tliet edizzjonijiet konsekuttivi tal-Olimpjadi u minkejja li huma ħafna li jemmnu li dan jista’ jerġà jiddefendi dawn it-titli fl-2020 hu minn dejjem stqarr li se jirtira matul din is-sena.
Fil-5 ta’ Awwissu Bolt se jtellaq fil-finali tal-100m filwaqt li fit-12 ta’ Awissu se jikkompeti għall-aħħar darba hekk kif se jtellaq fil-finali tal-200m.
Il-meeting li jmissu Bolt se jsir fit-28 ta’ Ġunju fir-Repubblika Ċeka u jista’ jagħti l-każ li wara dan il-meeting se jikkompeti f’turnament ieħor biex iħejji bl-aqwa mod għall-edizzjoni ta’ Londra, post li jfakkru fis-suċċessi li kien kiseb fl-2012 meta dakinhar rebaħ tliet midalji tad-deheb waqt l-Olimpjadi.
“Li hu żgur li la darba nirtira se naħdem għall-karità u ngħin lill-kowċ tiegħi li tant għandi rispett lejh Glen Mills. Hu minn dejjem qalli li nista’ nibda nmexxi jien l-akkademja tiegħu imma jien mhux lest nagħmel dan. Tajtu kelma li ngħinu kemm jista’ jkun.”
“L-aktar ħaġa li se nħoss in-nuqqas tagħha la nirtira se jkun il-pubbliku li tant itini enerġija waqt li nkun qed nikkompeti,” qal Bolt fl-ewwel kummenti tiegħu.
Meta mistoqsi huwiex interessat li jibda karriera fil-politika bħal ma għamel f’dawn l-aħħar snin il-boxer Klitschko, Bolt qal li qatt ma kien interessat jagħmel dan.
Bolt qal ukoll li l-importanti għalih f’Awwissu li ġej se jkun li jtemm il-karriera b’żewġ rebħiet u mhux biex jikser ir-rekord dinji tiegħu stess. “Jien diġà’ għandi r-rekord f’idi u m’hemmx għalfejn inkun ossesjonat biex inwaqqaf rekord ġdid.”
Meta kien mistoqsi dwar min jaħseb li se jkun l-akbar rivali tiegħu fil-100m f’Londra hu semma lill-Kanadiż Andre De Grasse, atleta li għad għandu 22 sena.
“De Grasse impressjonani bil-kbir fil-bidu ta’ dan l-istaġun imma wieħed irid jistenna lejn tmiem Ġunju biex ikun jaf min veru jinsab fil-forma għax dak hu ż-żmien li jsiru t-trials fil-Ġamajka u l-Istati Uniti,” spjega Bolt.
Bolt, li f’Awwissu se jagħlaq 31 sena ammetta li la jirtira mhux se jħoss in-nuqqas tat-taħriġ iebes u se jibda jiddeverti ferm aktar.
//= $special ?>