Sport Sport Ieħor

Futsal – Luxol jirbħu l-kampjonat tal-Elite

Luxol ġew inkurunati champions tal-Elite (Ritratt– Joe Borg)

F’atmosfera brijuża, b’attendenza rekord fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, bil-preżenza tal-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo u l-Viċi President Matthew Paris, intlagħbet it-tielet u l-aħħar finali tal-Elite. Luxol ġew iddikjarati ċampjins tal-Elite meta għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 7-5, f’dik li ġiet deskritta bħala l-isbaħ logħba tal-istaġun. Żewġ timijiet li komplew juru l-qawwa tagħhom fil-futsal lokali u li fadlilhom konfront ieħor fis-semifinali tan-Knock Out, skedata għal nhar it-Tlieta li ġej fit-tmienja ta’ filgħaxija.

Wara erba’ minuti milgħuba, kien Melvin Borg li fetaħ l-iskor għall-Beltin. Erba’ minuti wara l-plejer internazzjonali Rumen ta’ Luxol Emil Raducu ġab l-iskor indaqs.

Meta kien fadal disa’ minuti u disgħa u erbgħin sekonda għal tmiem l-ewwel taqsima, Rodrigo Ticz Patricio reġa’ poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ. Eżattament minuta wara, Glenn Bonello li kellu logħba mill-aqwa, reġa’ ġab id-dro għal Luxol. B’hekk iż-żewġ timijiet daħlu għall-mistrieħ bl-iskor ta’ 2-2.

It-tieni taqsima kompliet fuq l-istess ritmu li ż-żewġ timijiet kienu għaddejjin bih fl-ewwel taqsima. Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Raphael Felipe Ortiz de Oliveira skurja l-ħamsa u sebgħin gowl tiegħu tal-istaġun u reġa’ poġġa lil Valletta fil-vantaġġ. Wara li ntlagħbu għaxar minuti oħra, kien imiss lill-Brażiljan l-ieħor ta’ Luxol Celino Alves li reġa’ ġab l-iskor indaqs. Kien hawn li Luxol żidu fl-inizjattiva tagħhom u komplew ikabbru l-vantaġġ f’ħin qasir, permezz ta’ Mark Zammit u Dejan Bizjak. Immedjatament il-Beltin irrispondew bil-gowl ta’ Rodrigo Ticz Patricio. Minkejja li kien fadal l-aħħar minuta, iż-żewġ timijiet komplew jiskurjaw. Mark Zammit skurja t-tieni gowl personali tiegħu li tefa’ lill-partitarji ta’ Luxol f’dilirju ta’ ferħ. Għaldaqstant Valletta ma remewx ix-xugaman u rnexxielhom inaqqsu l-iskor b’awtogowl ta’ Raducu.

Iżda l-aħħar kelma kienet tal-plejer tal-logħba Glenn Bonello li meta kien fadal biss seba’ sekondi ssiġġilla r-rebħa u r-rebħ tal-kampjonat tal-Elite għal Luxol.

Wara tmiem il-logħba, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo, flimkien mal-Viċi President Dr Matthew Paris, it-Teżoriera tal-FMA s-Sinjura Mireille Vella u rappreżentati mill-kumpanija Farsons f’isem l-isponsor Gatorade, ippreżentaw il-midalji liż-żewġ timijiet u t-tazza lil captain ta’ Luxol Mark Zammit. Kien hawn li Zammit għolla t-tazza ‘l fuq fost il-ferħ kbir tat-tim kollu, diriġenti u partitarji ta’ Luxol.

B’hekk Luxol se jkunu t-tim Malti li jipparteċipa fir-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Cup.