Internazzjonali

IR-RENJU UNIT: Jirriżenjaw il-konsulenti ta’ Theresa May fost il-kritika

Irriżenjaw l-eqreb konsulenti tal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, b’konsegwenza tar-riżultat ħażin li kiseb il-Partit  Konservattiv fil-Gvern fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħamis.

May – li naqset milli tikseb maġġoranza fil-Parlament – kienet imwissija minn qabel dwar ‘sfida imminenti għat-tmexxija tat-Tories’, f’każ li hi kellha tonqos milli tkeċċi lill-konsulenti.

Iż-żewġ konsulenti li rriżenjaw huma Nick Timothy u Fiona Hill, b’Timothy jaċċetta responsabbiltà għar-rwol tiegħu fil-manifest elettorali tal-Konservattivi li kien ikkritikat ferm minn ħafna deputati parlamentari.

It-tluq tiegħu u ta’ Hill għandu jsaħħaħ xi ftit il-pożizzjoni ta’ Theresa May li beħsiebha tkompli bħala Prim Ministru tar-Renju Unit u li, fil-preżent, qed tfittex l-appoġġ tal-Partit Unjonista Demokratiku (tal-Irlanda ta’ Fuq) biex tifforma Gvern. Dan meta ċ-Chief Whip tal-Konservattivi, Gavin Williamson, jinsab f’Belfast biex jiffinalizza ftehim għal amministrazzjoni ġdida.

Sadanittant, il-pressjoni qed tiżdied fuq Theresa May biex hi tibdel il-mod kif jiffunzjona l-Uffiċċju tagħha (tal-Prim Ministsru) filwaqt li tkabbar il-grupp tal- konsulenti madwarha.

L-elezzjonijiet fir-Renju Unit saru qabel iż-żmien previst bil-għan li l-Konservattivi jibdew in-negozjati ma’ Brussell minn pożizzjoni ta’ saħħa u b’mandat ċar dwar il-viżjoni tal-Brexit.

Sadanittant, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li mhix tara ostakli għall-bidu tat-taħditiet dwar il-Brexit li mistennija jibdew fid-19 ta’ Ġunju u li għandhom jinvolvu lir-Renju Unit u r-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kanċillier Merkel temmen ukoll li r-Renju Unit se jżomm mal-programm stabbilit minkejja li l-Gvern Konservattiv ta’ Londra naqas minn maġġoranza assoluta.

Merkel, li kienet qed titkellem fil-Messiku, qalet li l-Unjoni Ewropea tinsab lesta għat-taħditiet tal-Brexit u ma tridx li n-negozjati jitilfu ż-żmien. Hi esprimiet tama li r-Renju Unit ikompli bħala sieħeb importanti tal-Unjoni Ewropea iżda għamlitha ċara li l-Istati tal-UE għandhom jinsistu bl-interessi tagħhom waqt in-negozjati mal-Britanniċi.

Il-kummenti ta’ Merkel kienu l-ewwel diskors mill-Kanċillier tal-Ġermanja mindu l-Partit Konservattiv tal-Prim Ministru Theresa May tilef 13 il-siġġu fl-elezzjoni tal-Ħamis. Id-disfatta ħalliet lill-Konservattivi bi tmien deputati anqas minn maġġoranza, fost l-inċertezza dwar in-negozjati għall-Brexit u l-manuvri politiċi li għaddejjin bħalissa fir-Renju Unit.