Joseph Borg ta’ 45 sena minn Santa Venera nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’assoċjazzjoni fl-importazzjoni, traffikar u pussess aggravat tal-pjanta kannabis.
Ir-raġel tressaq il-qorti wara li kien arrestat ilbieraħ u fil-pussess tiegħu kellu 600 gramma sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, li kienet mqassma f’diversi boroż tal-plastik u lesta biex tiġi traffikata, flimkien ma’ flus kontanti.
Ir-raġel kien arrestat mill-Iskwadra ta’ Kontra Droga, bl-assistenza tar-Rapid Intervention Unit, wara xhur ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet li saru fuqu.
Filfatt ir-raġel qed jiġi akkużat ukoll bl-involviment f’qabda ta’ aktar minn 18-il kilogramma ħaxixa tal-kannabis, li saret fl-2014.
Quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, Borg wieġeb mhux ħati u d-difiża, immexxija mill-Avukat Gianluca Caruana Curran, ma talbitx il-ħelsien mill-arrest tiegħu. Fid-dawl ta’ dan ħarġet ordni biex l-assi kollha tal-imputat ikunu ffriżati filwaqt li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>