Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, ħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Golf biex inaqqsu mill-pressjoni fuq il-Qatar li qed tkun akkużata mill-ġirien tar-reġjun bħala sponsor tat-terroriżmu.
Dan meta l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu u l-Bahrain qatgħu r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Qatar filwaqt li waqqfu l-ivvjaġġar lejn dak il-pajjiż.
Intant, l-Istati Uniti qed issegwi l-kriżi b’attenzjoni kbira u issa Rex Tillerson qal li l-miżuri tal-pajjiżi fil-konfront tal-Qatar qegħdin iħallu wkoll il-konsegwenzi umanitarji.
Filwaqt li faħħar lill-Emir tal-Qatar għall-inizjattivi tiegħu ‘biex jillimita l-finanzjament tal-gruppi terroristiċi’, is-Segretarju tal-Istat Amerikan għamilha ċara li jeħtieġ isir aktar mit-Tmexxija f’Doha. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, akkuża lill-Qatar bħala ‘finanzjatur tat-terroriżmu’, filwaqt li ħeġġeġ biex il-pajjiż tal-Golf ma jippersistix bl-aġir tiegħu.
Sadanittant, l-awtoritajiet fil-Qatar għadhom qed jiċħdu, akkost ta’ kollox, li huma sostenituri tal-estremisti Iżlamiċi. Dan meta dalwaqt tagħlaq ġimgħa il-kriżi bejn il-Qatar u wħud mill-aktar pajjiżi b’saħħithom u influwenti fid-Dinja Għarbija.
L-ajruplani tal-Qatar qed ikunu projbiti milli jużaw ċerti zoni fl-ispazju tal-ajru tal-Istati ġirien, fost sensiela ta’ passi drammatiċi li segwew snin ta’ tensjoni bejn il-Qatar u l-ġirien tal-Golf – b’mod partikulari l-Arabja Sawdija.
Il-Bahrain, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab taw liċ-ċittadini tal-Qatar fit-territorji tagħhom sa ġimgħatejn żmien biex jitilqu; bl-istess pajjiżi jipprojbixxu liċ-ċittadini tagħhom milli jivvjaġġaw lejn il-Qatar,
Intant, Rex Tillerson, issa, qed jirreferi għall-konsegwenzi umanitarji relatati mal-kriżi, meta (fil-Qatar) qegħdin jispikkaw nuqqasijiet tal-ikel u ċirkustanzi fejn il-membri ta’ familji qed jispiċċaw separati minn ma’ xulxin. Fl-istess ħin, is-Segretarju tal-Istat Amerikan aċċenna għall-fatt li l-kriżi bejn il-Qatar u l-pajjiżi Għarab qed tħalli effett fuq il-kooperazzjoni reġjonali li ssostni l-impenn għal kontra t-terroriżmu.
Il-pajjiżi li qed jippersistu bil-miżuri fil-konfront tal-Qatar ma kkummentawx għall-aħħar kummenti ta’ Tillerson.
//= $special ?>