Il-President tal-Brażil, Michel Temer, ma nstabx ħati minn akkużi dwar irregolaritajiet fl-elezzjonijiet tal-2014, bil-verdett tal-qorti jfisser li hu jista’ jkompli fil-poter.
Il-Qorti Elettorali Suprema tal-Brażil ma laqgħetx akkużi fis-sens li ntużaw ‘il-flus illegali’ fil-kampanja elettorali partikulari. Li kieku instab ħati mill-akkużi, Temer kien jispiċċa sfurzat ‘il barra mill-Presidenza.
L-akkużi rreferew għall-vot għall-Presidenza li kien intrebaħ minn Dilma Rousseff ( li tkeċċiet minn President tal-Brażil) fi żmien meta hi kellha lil Temer bħala sieħeb fuq l-istess tikketta politika. Kien l-istess Michel Temer li ħa post Rousseff bħala President meta hi, is-sena l-oħra, kienet suġġetta għal impeachment.
Il-qorti, f’dan il-każ, evalwat il-kampanja Presidenzjali tal-koppja ‘Rousseff-Temer’, fl-2014, biex tara jekk din kellhiex tkun invalidata minħabba donazzjonijiet illegali għall-kampanja.
L-Imħallef Herman Benjamin, bħala l-investigatur fil-każ, ivvota favur kundanna ‘li tibbaża fuq sistema ta’ tixħim u donazzjonijiet mhumiex iddikjarati u li ffavoriet lil Rousseff u Temer f’dik l-elezzjoni’. Iżda waqt li Benjamin tkellem ukoll dwar ‘abbuż ta’ poter ekonomiku u politiku’, erba’ imħallfin oħra vvutaw kontra, fejn qalu li x-xhieda preżentata ma kenitx biżżejjed biex turi li intużaw il-flus illegali waqt dik il-kampanja.
//= $special ?>