Sport Sport Ieħor

Tennis – Il-Ħadd il-finali tal-Open ta’ Franza

Il-Ħadd Stanislas Wawrinka u Rafael Nadal se jikkontestaw il-finali tal-irġiel. Biex wasal s’hawn Wawrinka elimina lin-numru wieħed fid-dinja Andy Murray filwaqt li Nadal rebaħ kontra Dominic Thiem.

Bla dubju Nadal jibda bħala l-akbar favorit li jirbaħ il-konfront, speċjalment meta wieħed iqis li minn 19-il darba li lagħab kontra Wawrinka rebaħ 16-il darba. Din se tkun l-ewwel darba li dawn it-tnejn se jilagħbu kontra xulxin fl-2017.

Is-sena li għaddiet Nadal mhux biss għeleb lil Wawrinka darbtejn imma lanqas biss tilef set kontrih.

Madnakollu wieħed ma jistax ma jiftakarx kif sentejn ilu Wawrinka ġab fix-xejn lil Nadal fil-kwarti tal-finali tal-Masters ta’ Ruma. Ta’ min jinnota li min jirbaħ mhux biss ikun rebaħ Grand Slam imma jitla’ jokkupa t-tieni post tar-rankings mondjali.