Post ġdid li se jinbidel f’ċinema u iktar minn 40 film li se jinterew għall-ewwel darba f’pajjiżna – dawn se jkunu l-qofol tat-tielet edizzjoni tal-Valletta Film Festival.
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Valletta Film Festival, Ġnien Herbert Ganado li jinsab taħt l-annex tal-Bank Ċentrali ta’ Malta se jkun qed iservi ta’ cinema fil-beraħ u f’dan il-post mill-isbaħ se jintwerew numru ta’ films mill-Amerika Latina, il-Ġappun u l-Isvezja.
Madankollu l-post prinċipali tal-festival se jibqa’ Pjazza Teatru Rjal, fejn se ssir iċ-ċerimonja tal-ftuħ u se jintwerew il-films kollha li se jikkompetu għall-unuri ta’ din is-sena. Films oħra jintwerew fil-beraħ ta’ Pjazza San Ġorġ u fil-magħluq bħal fi Spazzju Kreattiv u l-Embassy Cinemas.
Din is-sena l-udjenzi tal-Valletta Film Festival jistgħu jesperjenzaw films bit-teknoloġija tal-Virtual Reality u anke jaraw numru ta’ films qosra maħduma apposta minn Film Grain Foundation bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropeja.
Apparti hekk din is-sena se jintwerew seba’ feature films, seba’ dokumentarji u 25 short films.
Din is-sena wkoll il-Valletta Film Festival se jkollu diversi mistiedna popolari u high profile mid-dinja taċ-ċinema fosthom id-direttriċi popolari Agnieszka Holland, li hi magħrufa għad-direzzjoni tal-episodji tas-serje televiżivi Amerikani bħal The Wire u House of Cards.
Għal sena oħra, il-Valletta Film Festival se jinkludi wkoll numru ta’ Masterclasses immexxija minn personalitajiet rinomati bħal Didier Bouchard u Giovanni Robbiano.
Il-Valletta Film Festival se jsir bejn is-16 u l-25 ta’ Ġunju 2017. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online fuq www.vallettafilmfestival.com
//= $special ?>