Futbol Sport

Fabio Spiteri jirnexxielu jtemm b’suċċess it-tiġrija diffiċli tad-Double Ultra Triathlon fil-Ġermanja

Fabio Spiteri hekk kif temm it-tellieqa

It-Triathleta Fabio Spiteri llum daħal fil-kotba tal-istorja tat-Triathlon f’Malta meta ħa sehem u kkompeta fid-Double Ultra Triathlon f’Emstedden il-Ġermanja. Spiteri stabbilixxa ukoll rekord nazzjonali ta’ 26 siegħa u 38 minuta fil-proċess.

Id-Double Ultra Triathlon rat lil Spiteri jgħum 7.6km, 360km bir-rota u girja ta’ 84.4km. Ir-rotta kienet mifruxa fuq dawrien qosra li apparti l-isfida fiżika, żiedu wkoll l-isfida psikoloġika. Spiteri ħareġ ir-raba’ barra mill-ilma u fuq il-korsa ta’ 360km tar-rota, Spiteri kien miexi bejn is-sitt u t-tmien post.

Kien fuq ir-rota meta Spiteri beda jiltaqa’ ma’ ftit problemi ta’ nutrizzjoni. L-ikel matul din it-tip ta’ tellieqa huwa vitali sabiex jinżammu l-livelli ta’ enerġija meħtieġa. Hekk kif wasal fuq it-42 kilometru fuq ir-rotta tal-ġiri, Spiteri kompla jesperjenza dawn il-problemi, iżda hu kien determinat li jkompli  sal-aħħar. Spiteri spiċċa t-tellieqa fis-16-il post minn grupp ta’ sittin kompetitur.

Spiteri jingħaqad ma’ Nicky Farrugia, Charles Demanuele u Kevin Attard bħala l-uniċi atleti Maltin li koprew din it-distanza tat-triathlon.