Ġimgħa fuq l-elezzjoni ġenerali u mill-ewwel daħal is-sajf Malti. Tant hu hekk li minn din il-ġimgħa ssoktaw il-festi fl-ibliet u l-irħula Maltin.
F’Malta llum kienet iċċelebrata l-festa tas-Santissma Trinità. Il-festa li bdiet iddewwaq lit-turisti li jżuruna togħma tas-sajf Malti.
Il-Ħadd filgħodu netnews.com.mt mar fil-Marsa fejn seta’ josserva dak kollu li kien għaddej. Min jipprepara l-vara biex tkun tista’ toħroġ purċissjoni l-Ħadd filgħaxija, l-bandisti jippreparaw għall-marċ ta’ filgħoduv u ltqajna wkoll ma’ Marsi li l-imħabba lejn il-festa u l-parroċa li fiha jgħix ġegħlitu biex flmkien ma ibnu jibnu mudell uniku tal-Knisja tal-Marsa. Mudell mibni bil-ġebla Maltija u ilu jinbena għal dawn l-aħħar sittax-il sena.
Mudell mibni sal-inqas dettall, bi skultura ċkejkna fil-ġebla u wkoll bozoz żgħar li jagħtu bixra differenti ta’ dan il-mudell fid-dlam.
L-istaġun tal-festi issa minn din il-ġimgħa jkompli mingħajr interruzzjonijiet. Fil-fatt matul il-ġimgħa li ġejja f’Malta jkunu ċċelebrati l-festi ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun, Corpus fir-Rabat u anke l-festa ta’ San Filep f’Ħaż Żebbuġ li kellha tiċċaqlaq mill-ġurnata pjanata oriġinarjament minħabba l-elezzjoni. Fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla wkoll kellha wkoll tkun iċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba, imma l-kumitat organizzattiv kien iddeċieda li jipposponiha għal Settembru. F’Għawdex min-naħa l-oħra fi tmiem il-ġimgħa li ġejja se tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu fil-Fontana.
Festi oħra li kienu effetwati bl-elezzjoni ġenerali kienu ta’ San Ġużepp Ħal Għaxaq li issa se tkun iċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ġunju, flimkien ma’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u San Nikola fis-Siġġiewi u wkoll il-Festa ta’ Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien li issa se tkun iċċelebrata f’Jum l-Imnarja (29 ta’ Ġunju).
//= $special ?>

