Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton kellu wirja mill-aqwa biex rebaħ il-Grand Prix tal-Kanada. Grazzi għal din ir-rebħa issa Hamilton jinsab 12-il punt taħt il-lider tal-Ferrari Sebastian Vettel li spiċċa fir-raba’ post, pożizzjoni wara Daniel Ricciardo tar-Red Bull.
Hamilton spiċċa quddiem is-sewwieq l-ieħor tal-Mercedes Valtteri Bottas biex b’hekk kiseb is-sitt rebħa tiegħu f’dan iċ-ċirkwit u issa jonqsu biss rebħa biex jilħaq ir-rekord ta’ seba’ rebħiet fil-Kanada, rekord li attwalment jinsab f’idejn l-ekssewwieq tal-Ferrari Michael Schumacher.
Hamilton kien beda mill-ewwel post u baqa’ l-ewwel sat-tmiem. Ir-rebħa li kiseb is-sewwieq Ingliż kienet reazzjoni mill-aqwa wara li fl-aħħar tellieqa kien spiċċa fis-seba’ post f’Monaco meta dakinhar kien Vettel li rebaħ. Din id-darba kien Hamilton li rkupra fuq Vettel.
Is-Sibt u l-Ħadd kienu jumejn mill-aqwa għal Hamilton wara li s-Sibt hu kien kiseb is-65 pole fil-karriera tiegħu biex b’hekk laħaq ir-rekord tal-mibki ekssewwieq leġġendarju Ayrton Senna.
It-tellieqa li jmiss hi dik tal-25 ta’ Ġunju fl-Ażerbajġan.
//= $special ?>